Ir-rebbieħa tal-konkors Kantamagħna, Gail Attard, tkellmet ma’ Gwida.mt fejn spjegat l-esperjenza tagħha fil-konkors u dak li ħasset meta saret taf li rebħet il-konkors. Gail qalet li “ilbieraħ kien il-finali ta’ Kantamagħna u din kienet esperjenza mill-isbaħ u kienet pjattaforma tassew tajba għal kantanti Maltin biex juru t-talent tagħhom. Il-band hija waħda verament professjonali u kollha kemm huma, huma bravi u ħaqqhom proset!.”

Hi kompliet tgħid li “onestament ma kienx hemm dak il-feeling ta’ kompetizzjoni bejn il-kantanti għax kulħadd beda juri sapport kbir lejn xuxlin, u kien hemm ambjent verament sabiħ. Ilbieraħ eżatt x’ħin missejt mal-palk il-biża kollha telqet u naħseb minn wiċċi n-nies setgħu jindunaw kemm bdejt nieħu gost inkanta fuq dak il-palk. Is-sodisfazzjoni li d-diska ħarġet tajba u li tgħajt wirja sabiħa kienet biżżejjed għalija, però tista’ timmaġina l-ferħ li ħassejt meta qaluli li rbaħt l-ewwel post tal-kategorija tiegħi. Iżda l-akbar ferħa tibqa tal-over-all għax verament ma bdejtx nistennijha, lanqas stennejt li se nirbaħ l-ewwel post fil-kategorija tiegħi, aħseb u ara li se nkun ir-rebbieħa tal-konkors Kantamagħna! Kien lejl verament mill-isbaħ, wieħed li qatt ma se ninsa!”

Fuq Facebook Gail faħħret lill-parteċipanti kollha u rringrazzjat lill-familja u lil sħabha li dejjem tgħawha s-sapport tagħhom. Hija rringrazzjat ukoll lil dawk kollha li b’xi mod kienu involuti u għenuha biex tasal fejn waslet fil-kant.

Din kienet it-tieni edizzjoni tal-konkors. Kantamagħna ttella’ fit-teatru Astra ġewwa r-Rabat Għawdex bil-għajnuna tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Fost il-mistednin distinti attenda l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Facebook / Gail Attard


Sarah  Cassar Dymond