Fil-ħarġa ta' Gwida ta' dan ix-xahar kellna ċ-ċans li nitkellmu mal-attriċi Frida Cauchi li żgur tibqa' magħrufa l-aktar għas-sensiela Simpatiċi u l-parti ta' Dora. Sensiela li daħlet fid-djar u fil-qlub tal-Maltin u Għawdxin.

Bħalissa reġa' qed jintwera Simpatiċi wkoll! Xi tgħidilna dwar?

Simpatiċi t-tmien sensiela qed tintwera fuq TVM. Din is-sensiela hija ferm għal qalbi għax kienet is-sensiela li fiha ħallietna Mary Rose Bonello (in-nanna Katrin). Però tajjeb li wieħed ikun jaf li f’Simpatiċi, in-nanna Katrin ma tmut qatt. Aħna konna ddeċidejna li n-nanna ma tmutx fis-sensiela.

Iddeċidejna li nżommuha ħajja. Fil-fatt anke fl-aħħar episodju kien hemm sorpriża fejn in-nanna Katrin reġgħet dehret. Ħdimnieha vera tajjeb għax sraqna xena minn episodju minnhom u konna rranġajnieha biex tidher taparsi qiegħda ħdejn il-baħar. Bħala karattru, in-nanna Katrin ma mietet qatt!

Simpatiċi spiċċa eżatt kif beda. L-aħħar xena tas-serje kienet eżatt kif kien beda; in-nanna dieħla d-dar wara l-quddies. Il-ħajja hekk, ċirku, tirrepeti ruħha. Ir-rota tal-familja dejjem iddur.

Simpatiċi jibqa’ mfakkar minn ħafna. X’inhu s-sigriet?

Lanqas aħna ma konna nobsru li Simpatiċi kien ser ikun kbir daqshekk. S’issa Simpatiċi baqa’ għaddej b’saħħtu u kull sena dejjem jitolbuna biex jerġgħu jarawh. Din is-sena ser jintwera fuq kważi l-istazzjonijiet kollha.

In-nies ma jiddejqu qatt, ikunu jafu x-xeni x’inhuma, x’ser jiġri, x’ser ngħidu u jibqgħu jarawhom. Jibqgħu jsegwu u jkollna dejjem ammiraturi ġodda għax it-tfal iż-żgħar li għandhom ċerta età, qed jarawhom issa u qed iħobbuhom wkoll. Simpatiċi ma jmut qatt!

Xi tħoss meta tisma’ li s-sigla ta’ Simpatiċi jafha kważi kulħadd? Gianluca spiċċa jkantaha fuq Serataron!

Kulħadd jafha! Nifraħ xħin nismagħhom ikantawha. Hawn diversi restoranti li peress li jkollhom mużika live, ikantaw il-kanzunetta u l-ferħ u l-atmosfera sabiħa li jkun hemm hi xi ħaġa indimentikabbli. Ġieli jibagħtuli messaġġ privat b’filmati ta’ nies ikantaw f’restorant.

Tara l-furur ta’ ferħ li jkun hemm; xi ħaġa li tagħtina sodisfazzjon kbir. Il-kanzunetta nkitbet b’mod ħelu u jkantawha oriġinarjament Herman u Mary Rose Mallia. Niftakar li fil-bidu, 21 sena ilu fejn is-social media ma kinitx teżisti konna nkunu mistednin ġo festi.

Konna mmorru bħala tim fil-festi, fix-shopping complexes, ċinema, supermarkets... u konna niltaqgħu ma’ nies entużjasti li jitkellmu u jkantaw magħna. Simpatiċi jġib ċertu ferħ!

Kull min jagħmel xi ħaġa fuq it-televiżjoni jkun qed jittama li tkun suċċess. Aħna hekk xtaqna b’dan, imma qatt ma ħlomna u qatt ma ħsibna li dan is-suċċess ser ikun daqshekk kbir.

Jgħaddu das-snin kollha, sigla maħbuba ma’ kulħadd, kif tisma’ l-ewwel żewġ noti tagħha, tara tiċrita ta’ tbissima fuq wiċċ kulħadd. Dan hu ta’ sodisfazzjon kbir għalina li Simpatiċi rnexxielu jġib dan il-ferħ.

Imma Simpatiċi kellu kanzunetta oħra! Tgħidilna ftit fuqha?

Iva, fi żmien il-Milied, il-kast kollu ta’ Simpatiċi konna nkantaw, Xewqat sbieħ dal-Milied. Kanzunetta maqluba għall-Malti fuq White Christmas. L-istess kull sena fil-Milied, noħorġuha u tkun suċċess. Kulħadd jaqsamha ma’ sħabu.

Iktar mill-kanzunetta, in-nies tant ħabbet il-karattri ta’ Simpatiċi li kull ħaġa li tfakkarhom f’dan is-serje, tagħmilhom ferħanin. Aħna sirna membri tal-familja ta’ kull dar Maltija u Għawdxija.

Probabbli inti twieġeb jekk jgħajtulek Dora...

Tant drajtu l-isem Dora li hu parti minni issa!


Anthony Baldacchino