Fid-dinja diġitali tal-lum, fejn il-kelma tista’ tintlaħaq malajr, huwa diżappuntanti li għadna naraw diversi każi ta’ kummenti negattivi, attakki personali, u dispreġjattivi fuq individwi. Dan mhux biss fuq xi artiklu speċifiku li jittratta d-dehra ta’ xi ħadd, imma fuq diversi stejjer li naqsmu magħkom il-qarreja. Ejja nkunu ċari darba għal dejjem: odiu, għajb, ridikolamenti u attakki fuq persuni mhumiex aċċettabbli.

Is-sit tagħna kif tafu jittratta x-xena tad-divertiment, personalitajiet, lifestyle u anke gossip. Barra minn xtutna nsibu diversi siti bħal dawn li jmorru lil hinn mill-midja tradizzjonali li mdorrijin biha, iżda b'hekk id-diversità interessanti għax biha tilħaq nies differenti minn sferi differenti tal-ħajja. 

Il-kontenut tagħna huwa wieħed varjat u dak li naqsmu magħkom irriduh li jservi bħala forma ta’ divertiment u informazzjoni, mhux pjattaforma għall-kritika distruttiva. Jekk ma tistax tikkummenta b’mod kostruttiv jew pożittiv, il-ħsieb ta’ skiet huwa l-aħjar għażla. Sfortunatament, fl-aħħar ġimgħat qed naraw żieda qawwija ta' kummenti li mhumiex xierqa. 

Il-libertà tal-espressjoni tiġi b’responsabbiltà. L-użu ħażin tagħha biex tweġġa’ jew tnaqqas il-valur ta’ persuni mhux biss jagħmel ħsara lil min ikun fil-mira, imma wkoll lilna bħala soċjetà. Irridu nkunu nies li nrawmu r-rispett u l-ħsibijiet pożittivi. L-ispazju tagħna mhux għal messaġġi ta’ mibegħda.

Ejja nkunu aħjar u jekk irridu ngħaddu xi tip ta' kritika ngħaddu kritika kostruttiva u mhux nikkritikaw minn wara l-iskrin. Mhux nikkritikaw u nobżqu l-ħdura għax dak li jkun mhux jarana. Ejja nżommu f'moħħna li qed nitkellmu dwar UMANI, li għandhom is-sentimenti tagħhom. Vera li min qiegħed fl-għajn pubblika jistenna kull tip ta' kritika, imma m'hemmx bżonn ta' odju. 

Kull artiklu li jinkiteb, ma jinkitibx bl-għan li jsiru attakki personali u din ma nifilħux nenfasizzawha biżżejjed. L-artikli jinkitbu bl-għan li noffru xi ħaġa differenti lill-qarrejja tagħna li ma ssibix fuq siti oħra. Infakkru li aħna ma għandna ebda preġudizzju lejn ebda għamla jew dehra personali, orjentazzjoni sesswali, kulur tal-ġilda jew razza, sitwazzjoni ekonomika, għażliet tal-ħajja u twemmin reliġjuż jew spiritwali. 

Nemmnu biss fir-rispett. Mela ġib rispett lejk innifsek billi titkellem dwar ħaddieħor b'rispett u dinjità. 


Gwida.mt