Il-Ministeru għall-Ambjent tal-Italja ta l-approvazzjoni lil Malta biex tiżviluppa t-tieni interconnector. Il-permess uffiċjali ngħata mill-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà Enerġetika tal-Italja u dan ser jippermetti lil Malta tiżviluppa t-tieni interconnector fit-territorju Taljan.
F'konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli laqgħet dan il-pass importanti li se jwassal sabiex il-proġett jiġi kkummissjonat fl-2026.
“Qed naħdmu qatigħ biex nimplimentaw il-proġetti li huma parti mill-viżjoni tagħna fis-settur tal-enerġija. Qed inkomplu nsaħħu l-infrastruttura ta' distribuzzjoni tal-enerġija, qed nappoġġjaw inizjattivi li jkomplu jżidu l-użu tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li għaddejja l-ħidma sabiex ikollna t-tieni interconnector. Dan mhux biss se jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tagħna, iżda wkoll se jsaħħaħ il-konnessjoni tagħna mal-Ewropa li jwassal għal aktar enerġija rinnovabbli," qalet il-Ministru Miriam Dalli.
L-aħħar pass li kien fadal fil-proċess tal-permess tal-iżvilupp Taljan kien l-approvazzjoni formali tal-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà Enerġetika. Aktar kmieni din is-sena, bħala parti mill-istess proċess, il-Ministeru Taljan temm il-proċess ta' konsultazzjoni mal-partijiet interessati b'riżultat pożittiv, u r-Reġjun Sqalli ta l-approvazzjoni għall-proġett.
Il-Ministru Dalli rringrazzjat ukoll lill-kollega Taljan, Dr Gilberto Pichetto Fratin, għall-kooperazzjoni mill-qrib. “It-tieni interconnector mhux biss se jipprovdi sigurtà tal-provvista iżda ser jippermetti wkoll l-integrazzjoni dejjem akbar ta' enerġija rinnovabbli indiġena", qalet il-ministru.
Il-proġett tat-tieni interconnector jinkludi cable elettriku li jaħdem b'kurrent alternat ta' vultaġġ għoli ta 220kV, ta' 122 kilometru. Il-proġett jinkludi sezzjoni ta' cable sottomarin b'tul ta' 99 kilometru. Il-proġett se jsaħħaħ l-interkonnessjoni tal-elettriku ta' Malta mal-infrastruttura Ewropea.
Bħala parti mill-proċess tal-permess Taljan, Interconnect Malta (ICM) kisbet il-permessi ta' żvilupp f'Malta u għaddej ukoll bil-proċessi ta' ħruġ ta' tenders u għoti ta' kuntratti għall-inġinerija, l-akkwist u l-kostruzzjoni.
Min-naħa tiegħu, Dr Inġ. Joseph Vassallo mill-Interconnect Malta spjega, “Wara li fil-ġimgħat li għaddew bdew ix-xogħlijiet f'Malta, bil-kostruzzjoni ta' walk-in culvert fil-Magħtab, il-ħruġ tal-permess fl-Italja jagħtina l-possibbiltà li nkunu nistgħu nibdew ix-xogħlijiet fuq il-21 kilometru bejn Marina di Ragusa u Ragusa fl-Italja u fil-futur, fil-baħar bejn iż-żewġ pajjiżi."
Minbarra dan il-proġett, Interconnect Malta qed taħdem fuq, fost oħrajn, sistemi ta' ħażna tal-enerġija tal-batteriji (BESS) u qed timmaniġġja l-PQQ għall-proġett fuq il-baħar ta' enerġija rinnovabbli mir-riħ, tnax-il mil nawtiku 'l barra mix-xatt.
IC2 qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021–2027.