L-Istudenti Jitwaqqfu Milli Jattendu L-Iskola biex jieħdu ħsieb lil ħuthom iżgħar minnhom, biex jgħinu fid-dar jew biex imorru jaħdmu! Elimu hija kelma bis-Swaħili li tfisser edukazzjoni. ‘Elimu Africa’ hija organizzazzjoni mwaqqfa minn grupp ta’ voluntiera Amerikani li tgħin lil tfal żvantaġġati fit-Tanżanija, billi tipprovdi fondi għall-edukazzjoni tagħhom.
Fiż-żoni fil-Grigal tat-Tanżanija, l-iskola mhix b’xejn u ħafna mill-familji jgħaddu b’$1 jew $2 kuljum. B’hekk ma jkunux jistgħu jibagħtu lil uliedhom l-iskola. F’kelma waħda li t-tfal imorru l-iskola hija meqjusa bħala lussu. Minbarra li l-istudenti jkollhom iħallsu biex imorru l-iskola, iridu wkoll jixtru l-uniformi, il-materjal biex jitgħallmu, l-ikel u f’każijiet fejn l-istudenti jkunu joqogħdu bogħod mill-iskola, iridu jħallsu tal-akkomodazzjoni wkoll.
F’ċerti każijiet, l-istudenti jitwaqqfu milli jattendu l-iskola biex jieħdu ħsieb lil ħuthom iżgħar minnhom, biex jgħinu fid-dar jew biex imorru jaħdmu. Ħafna drabi l-ġenituri ma jkunux jafu skola u allura ma jkunux jistgħu jgħinu lil uliedhom fix-xogħol li jġibu mill-iskola. Aktarx dan ix-xogħol ikollu jsir fid-dlam minħabba li d-djar m’għandhomx dawl elettriku.
Wara l-iskola primarja, it-tfal ikollhom jgħaddu minn eżami biex ikunu jistgħu jattendu l-iskola sekondarja. Sfortunatament, dawk li ma jgħaddux ikollhom jieqfu milli jkomplu jistudjaw jew iħallsu miżati għoljin biex jidħlu fi skola privata.
Fost oħrajn, Elimu Afrika, tul is-snin provdiet fondi għal diversi skejjel primarji tas-Santa Infanzja biex jixtru kotba, uniformijiet u materjal essenzjali ieħor lill-istudenti tagħhom. Dawn l-iskejjel huma mmexxija minn reliġjużi li ddedikaw ħajjithom għal dawn it-tfal. Ħafna voluntiera minn madwar id-dinja kollha jmorru jgħinu lil dawn ir-reliġjużi u lin-nies tal-lokalijiet l-aktar foqra.
Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin tfal f’sitwazzjonijiet simili jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Dan billi jinbnewlhom l-iskejjel, jinxtrawlhom il-kotba u materjal ieħor tal-iskola, filwaqt li joffrilhom saqaf fuq rashom, ikel, ilma nadif, ħwejjeġ u edukazzjoni. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.