L-istorja ta' Nicolette hi waħda li ċertament ħa tmiss ħafna u ħafna qlub, aħna ta' Gwida.mt kellna ċ-ċans li nitkellmu ma' din l-omm fejn irrakontatilna l-esperjenza tagħha. Nicolette tilfet is-smigħ ta' madwar 4 snin, meta kienet mardet bil-meninġite.

Nicolette tgħidilna li adotat tifel mill-Indja li ilu Malta madwar sena u ftit. Meta staqsejna lil Nicole x'kien l-isbaħ mument tul dan il-proċess, tgħidilna: "Ovvjament l-isbaħ mument ta' ħajti meta għannaqtu l-ewwel darba. Apparti minn hekk jiena u żewġi dorna diversi pajjiżi, kif ukoll barra mill-Ewropa. L-Indja, fejn morna niġbru lit-tifel huwa wieħed mill-aktar pajjiżi fqar li qatt morna u ġejt mibdula minn meta rajt numru kbir ta' nies foqra."

Hi tgħidilna għalkemm hi ltaqgħet ma' ostakli kbar fil-ħajja tagħha xejn ma jikkompara ma li ħasset meta rat lil dawk in-nies fit-toroq u t-tfal fl-istitut. "Qatt mhu se ninsa meta rajt tifel ta' xi 3 jew 4 snin jerfa' tarbija fuq dahru, jimxi fix-xemx biex jittallab għall-flus, raġel nixef jimxi fuq idejh ħdejn il-bankina u n-nisa jħallu trabi fl-art biex jaħdmu fil-ġebel u x-xemx."

Għalkemm din l-esperjenza ta' Nicolette ilha aktar minn sena, tistqarr li għadha taħseb fuq kif baqgħu. Taħseb ukoll fuq l-omm bioloġika tat-tifel tagħha u tgħid: "Nittama li xi darba t-tifel jitgħannaq magħha."

Hi tiddeskrivi magħna kif kienet ir-reazzjoni tat-tfal li għandhom problema bis-smigħ meta għamlitilhom ftit sinjali, tgħidilna "xagħal wiċċhom bit-tbissima". Kif persuna b'cerebral palsy raha bit-tifel rieqed fuqha, qalli bi tbissima "you're beautiful" - tissokta tgħid li qatt ma rat tbissima f'sitwazzjoni daqshekk diffiċli.

Fi ftit kliem tiġbor l-esperjenza tagħha: "Tgħallimt li l-faqar jgħallmek ħafna biex tapprezza l-ħajja u l-importanti li tkun kuntenta u tmexxi fil-ħajja." Tgħid li ġġor din l-esperjenza magħha u tistqarr li kieku setgħet anke tmur il-missjoni imma llum il-ġurnata impossibli għaliha għax "it-tifel għamel aktar minn sena joqgħod bla genituri u bla imħabba għalhekk lanqas nofs lejl ma nħallih jorqod mingħajri."

Itemm b'messaġġ li wieħed ta' min jifhem u jaħdem fuqu: "Nifhem li difficli tgħin lil dak in-numru kbir ta' nies foqra però nista' nappella li fil-festi titolbu għal dawk li għandhom ħajja bla familja."


Emil Calleja Bayliss