F’lejla xitwija u kiesħa ħafna kif jaf jagħmel fin-Nepal, li jinsab f’għoli ta’ 7,000 pied, mara fqira Nepaliża, waqt li kienet miexja fit-triq, qabadha l-uġigħ tal-ħlas. Waqfet, u hemm fit-triq welldet tarbija - tifel. Kienu s-sebgħa ta’ filgħaxija nhar it-12 ta’ Diċembru 1937. Dak il-lejl stess, għall-ħabta tal-ħdax, miet missier it-tarbija. Il-Patrijiet Ġiżwiti fil-parroċċa tal-Qalb ta’ Ġesù, semgħu b’dan il-każ u laqgħu għandhom lill-familja Sharma; l-omm, tifla u t-tarbija, ilkoll iħaddnu r-reliġjon Ħindu. Il-Ġiżwiti ħadu ħsieb ukoll jirranġaw għall-kremazzjoni tal-missier.
It-tifel beda jistudja fil-kulleġġ tal-Ġiżwiti f’Katmandu. Meta kiber huwa talab li jsir Nisrani. Fil-magħmudija ngħata l-isem ta’ Anthony Francis. Minkejja li l-omm baqgħet tħaddan ir-reliġjon Ħindu, hija xorta kienet tirrispetta ħafna l-Kristjaneżmu. Anthony daħal Ġiżwita nhar it-28 ta’ Lulju 1956. Wara li studja l-filosofija, għamel sentejn jgħallem fil-Kulleġġ San Ġużepp f’Darjeeling, fejn kienu jistudjaw l-aħwa Prinċpijiet Birendra u Gyanendra, li wara saru r-rejiet tan-Nepal. Anthony studja wkoll t-teoloġija fil-Kulleġġ ta’ Santa Marija f’Kurseong, flimkien ma’ diversi Ġiżwiti Maltin. Fl-4 ta’ Mejju 1968 Anthony ġie ordnat saċerdot u mar il-Filippini jistudja t-teoloġija pastorali. Wara, huwa laħaq surmast fil-Kulleġġ ta’ San Ġużepp u fl-1981 inħatar Rettur ta’ dan l-istess kulleġġ f’Darjeeling.
Dun Sharma ġie magħżul minn Papa San Ġwanni Pawlu II biex ikun l-ewwel Superjur Ekkleżjastiku tal-Missjoni Ekkleżjastika fin-Nepal li twaqqfet mill-Papa stess fl-1981. Ħmistax-il sena wara nħatar Prefett Appostoliku u fl-2007 sar l-ewwel isqof tan-Nepal. Hawm l-Isqof Anthony Sharma fetaħ 23 skola u waqqaf il-Karitas. Bis-saħħa tal-ħbiberija li kellu mal-familja rjali tan-Nepal, irnexxielu jikseb rikonoxxenza tal-Knisja Kattolika fil-pajjiż, fejn ir-reliġjon hija l-Ħinduwiżmu. Huwa rtira f’April tas-sena 2014. Ftit tax-xhur wara, fit-8 ta’ Diċembru 2015, erbat ijiem qabel għalaq 78 sena, huwa ħalla din id-dinja u mar jingħaqad mal-Mulej għall-ħajja ta’ dejjem.
Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed jgħin tfal f’sitwazzjonijiet simili għal dik ta’ Anthony Francis jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida. Dan billi joffrilhom saqaf fuq rashom, ikel, ilma nadif, ħwejjeġ u edukazzjoni. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.