Kif se tifhmu hawn fl-artiklu, l-ispirazzjoni tiġi minn sorsi differenti; minn diskussjoni sa kreattività ta’ ideat u anke minn storja mill-passat. Sta għall-artist li jislet minn dak li jesperjenza, kreazzjoni u innovitazzjoni ġdida. Il-protagonisti f’dan l-artiklu hekk għamlu. Moveo Dance Company rebħu l-premju tal-aqwa produzzjoni fiż-żfin bi: Frida - My Two Accidents.
L-ispirazzjoni tagħhom bdiet b’konversazzjoni ma’ Kenneth Zammit Tabona, li dak iż-żmien kien id-Direttur Artistiku tat-Teatru Manoel. Riedu joħolqu xogħol dwar xi ħadd ikoniku, u Frida Kahlo ġiet diskussa immedjatament. “Minn hemm, ħassejna li Diane Portelli kienet l-iktar adattata biex toħloq dan ix- xogħol, peress li għandha karattru simili għal Frida u ilha ammiratriċi kbira tal-ħajja u l-arti tagħha.”
Diane spjegatilna li l-ispirazzjoni prinċipali għall-prestazzjoni ġiet minn waħda mill-pitturi ta’ Kahlo, ‘The Broken Column’, li turi kemm is-saħħa kif ukoll il-vulnerabbiltà. “Minkejja li sofriet inċident kbir u l-Pollju, Frida darba qalet, "Kien hemm żewġ inċidenti kbar f’ħajti. Wieħed kien it-trolley, u l-ieħor kien Diego. Diego kien ferm agħar.” Din il-kwotazzjoni verament laqtitni, u minn hemm iddeċidejt li niffoka fuq dawn iż-żewġ inċidenti—dak li kissrilha ġisimha u dak li kissrilha qalbha”, tenniet Diane Portelli.
Meta mistoqsija jekk il-pubbliku jifhimx biżżejjed kemm iż-żfin huwa mezz importanti biex titwassal ir-ruħ tal-artist, ir-risposta kienet li l-udjenzi Maltin qed jifhmu dejjem aktar l-importanza taż-żfin biex jesprimi emozzjoni umana, imma għad hemm fejn nistgħu nikbru. “Għalina, iż-żfin spiss jintuża bħala vuċi; aħna nwasslu messaġġi permezz tal-arti tagħna. Nittrattaw temi importanti u nagħtu ħajja lil stejjer li xi drabi jibqgħu moħbija. Iż-żfin kontemporanju, speċjalment, jista’ jkun pjuttost astratt, imma dejjem nippruvaw inqanqlu xi forma ta’ reazzjoni emozzjonali fl-udjenza."
"Nemmen li l-punt ewlieni huwa li n-nies jindunaw li mhux dejjem hemm bżonn li jifhmu sewwa x'qed jaraw, imma aktar importanti huwa kif iħossuhom u kif jagħżlu li jinterpretawh. Fl-aħħar mill-aħħar, l-arti hija suġġettiva. Sakemm l-udjenza tħoss xi forma ta’ reazzjoni emozzjonali, allura jkunu ħadu xi ħaġa minnha. Dak hu li tassew jgħodd.”