Għal dan il-Milied tkellimna ma' personalità li tista' tgħid narawha f'diversi okkażjonijiet, speċjalment waqt programmi televiżivi. Persuna li tieħu ħsieb id-dehra ta' bosta personalitajiet li anke naraw ta' kuljum fuq it-televiżjoni, u persuna li tagħti qalbha lil dak li jkun, u li tagħmel tagħmlu mill-qalb. Shasha tkellmet magħna dwar iż-żminijiet ta' festi u dwar il-bidla li seħħet fiha nnifisha bejn il-Milied tal-passat u dak preżenti!
Kieku kellek issemmi l-isbaħ Milied ta’ ħajtek, liema jkun? Għaliex?
Naħseb l-isbaħ Milied ta’ ħajti meta twelidli t-tifel, Sven, illum jagħlaq 19-il sena! L-unika tifel li għandi. Kien wara nofsinhar, xħin in-nies qed jieklu, twieled Sven. Naħseb kien l-isbaħ Milied, l-isbaħ u l-iktar mhux mistenni!
Xi jdaħħlek l-iktar fl-ispirtu tal-Milied?
Spirtu tal-Milied… xejn fil-verità. Qabel meta kont żgħira kont inħobbu ħafna l-Milied imma ċ-ċirkostanzi tal-ħajja, il-mard li kellna s-sena li għaddiet, ma għadnix bl-ispirtu tal-Milied. Naħdem ukoll, normalment dejjem xogħol jien fil-Milied. Ma tantx ingawdieh.
L-isbaħ memorja mit-tfulija li għandek għal żmien il-Milied?
Meta kont żgħira, ovvjament ommi u missier dejjem jarmaw id-dar għadhom sal-lum. Kien żmien maġiku għalija! Kont niżfen, u kien ikollna ħafna attivitajiet, dejjem niġru minn post għall-ieħor, dawk kienu memorji sbieħ ħafna. Kellna d-dar dejjem armata, familja dejjem magħquda. Kont noqgħod anġlu jien, niftakarni fit-toroq tar-Rabat, niġri liebsa ta’ anġlu. Dejjem għaddejja kont!
Liema kanzunetta tal-Milied tiddeskrivik l-iktar, u għaliex?
Ma naħsibx li hemm xi kanzunetta li tiddeskrivini min jien fil-Milied. Il-kanzunetti kollha sbieħ, pero daż-żmien saru jagħmluli ħafna dwejjaq. Ma naħsibx li hemm kanzunetta le, li tgħid ‘din ta’ Shasha’.
L-isbaħ rigal jew l-iktar ħaġa importanti li Shasha qatt jista' jkollha għall-Milied?
L-isbaħ rigal li jista’ jkolli għal dan il-Milied… li għandi xi nies li huma għal qalbi ħafna, viċin tiegħi ħafna, li jfiqu mill-marda tal-kanċer, naħseb dik hi.
Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?
Il-messaġġ li nista’ nagħti hu dan, li kemm jista’ jkun, mhux fil-Milied biss imma dejjem, li żżomm l-għaqda u taħfer. Ma titkabbarx. Tgħallimt ħafna jien, speċjalment fi żmien il-Covid–19. Dak iż-żmien ġabni għarkubtejja, għallimni ħafna li xejn mhu għal dejjem. Li għandek taħfer, li għandek tinsa, li għandek tibqa’ tħobb. Li għandek tara t-tajjeb tal-bniedem ukoll. Nixtieq nawgura lil kulħadd il-Milied it-tajjeb u s-sena t-tajba! Nittamaw li ma nerġgħux nispiċċaw kif konna, is-sena l-oħra ma kien żmien xejn sabiħ. Dejjem għożż dak li għandek, u apprezza t-tajjeb tiegħu!
Nixtiequ nirringrazzjaw lil Shasha talli tat mill-ħin tagħha għal din l-intervista magħna! Minn qalbna nawguraw lilha u lill-familja kollha tagħha Milied hieni u sena ġdida mimlija saħħa, hena u risq!