X’jibqa’ minnek meta wara ġurnata xogħol tmur lura d-dar u ssib li kemm ir-raġel kif ukoll il-kelb iħammġulek, jużawk u jittrattawk ta’ skjava? U minn fuq jidħqu bik ukoll!
Din hija l-ħajja ta’ Karen (interpretata mill-attriċi Louise Doneo), ir-realtà li tħabbat wiċċha magħha kuljum sakemm… Sakemm sfortunatament tisfa armla wara li żewġha jmut mewta tassew makabra.
Imma kif jgħallimna lsienna, kull deni ħudu b’ġid; din l-isfortuna ta’ Karen tista’ sservi bħala liberazzjoni għal mara li qatt ma ħassitha libera kemm ilha tgħix. Imma fadal il-kelb u se jkollha titqanna bih.
Facebook / Elf Metodu
Din hija l-premessa ta' drama ġdida li se tibda tixxandar fuq ONE nhar il-Ħadd 6 t'Ottubru, bl-isem ta' Elf Metodu.
Il-produzzjoni ta' din id-drama hija ta' Mark u Louise Doneo u l-kitba ġiet fdata f'idejn il-bravu Simon Bartolo. Id-direzzjoni hija ta' Jameson Cucciardi.
Iżda għaliex l-irġiel mhux se jieħdu gost ħafna b'dak li se jaraw?
Facebook / Elf Metodu
It-titlu għandu biċċa oħra miżjuda miegħu li hi Elf Metodu 'kif tista teħles mir-raġel'!
Dan għaliex Karen kienet iżżomm djarju, fuq suġġeriment tat-terapista tagħha, u fih tikteb metodi differenti kif tista’ teħles mir-raġel. Malajr tiġri x-xniegħa li Karen kitbet xejn inqas minn elf metodu!
Ovvjament kulħadd ikollu xi ħaġa xi jgħid dwar dan u dwar dik il-mara kwieta u ġwejda li allegatament irnexxilha tiżvina lil żewġa. Imma l-akbar rispons ikun mingħand persuni li bħal Karen jixtiequ li huma wkoll jeħilsu mir-raġel u jiġu għandha għal parir.
X’għandha tagħmel Karen, tgħinhom? Inthom kieku x'tagħmlu?
Facebook / Elf Metodu