Ir-ritorna tal-Festival Kanzunetta Maltija dalwaqt magħna. Aħna kellna l-opportunità li nitkellmu mal-parteċipanti ta' din is-sena dwar il-festa speċjali li qed niċċelebraw illum, il-Milied. Ara x'kellhom x'jgħidulna dawn il-parteċipanti oħra ta' Mużika Mużika.

Michela Galea ħa tkun qed tinterpreta Tbissimli fuq mużika ta' Mark Spiteri Lucas u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Michela tispjega, "Il-Milied inħobbu ħafna għax huwa żmien fejn kulħadd jingħaqad flimkien, inqattgħu aktar ħin mal-familja u ħbieb tagħna. Żmien il-Milied hu għal qalbi wkoll ghax inkun għaddejja bil-preparazzjonijiet tal-pantomima tal-Milied. Tista tgħid il-pantomima saret parti mill-kalendarju tiegħi."

Hi tkompli tgħid, "Sfortunament din is-sena l-pantomima mhux ser issir minħabba ċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom bħalissa. Nimmissjaha? Iva, ĦAFNA, però nipprova nħares lejn il-pożittiv ta’ kull sitwazzjoni u nista’ ngħid li din is-sena se jkolli iktar ċans li ngawdi dan iż-żmien mal-iktar nies li nħobb."

Janice Mangion flimkien mal-Puse' ħa jkunu qed jinterpretaw Teżor fuq mużika ta' Mark Scicluna flimkien ma' Cyprian Cassar u kliem ta' Emil Calleja Bayliss.

Janice tgħidilna, "Għalija dawn iż-żminijiet tal-Milied ifissru solidarjetà mal-proxxmu, ma’ dawk anqas ixxurtjati minna kif ukoll għaqda mal-familji, li magħhom inqattgħu l-isbaħ mumenti."

Il-Puse’ mill-banda l-oħra jistqarr, "Għalkemm il-Milied din is-sena huwa żgur differenti minn dawk kollha ta’ qabel, jiena xorta waħda se nkun xogħol dakinhar. Il-Milied minn dejjem kien żmien eċitanti għalija u jiddispjaċini li sar daqshekk kummerċjali u naqqasna mis-sinifikat vera tiegħu. Minkejja s-sitwazzjoni ta’ din is-sena, xorta waħda, fil-familja qed nippruvaw li nidħlu fl-ispirtu tal-Milied b’modi sempliċi, imma effettivi, saħansitra intellgħu materjal fuq il-midja soċjali."

Il-kantawtur MJAW jinterpreta l-kanzunetta Tista'.

MJAW jgħid, "Il-Milied għalija jirrappreżenta l-bidu tax-Xitwa, fejn il-jum jerġa’ jibda jitwal. U allura huwa żmien tajjeb biex tqatta’ aktar ħin miegħek innifsek, tesplora u tiskopri min inti u kif tista' tkun bniedem aktar awtentiku."

Hu jkompli jispjega, "Il-wiċċ superfiċjali tal-Milied, storbjuż u nevrotiku, ma tantx jagħmel bija. Min-naħa l-oħra ma niddejjaq xejn inqatta’ ftit żmien man-nies li nħobb u nirrispetta, jekk dan din is-sena jkun possibbli."

Il-kantanta Raquel tinterpreta l-kanzunetta Vizzju fuq kliem u mużika ta' AIDAN.

Raquel tistqarr, "Għalija l-Milied hija attività tal-familja u xi ħaġa veru intima, infatti ilni minn ta' età żgħira dejjem inqattgħu mal-familja jiġri x'jiġri."

Hi tkompli tgħid, "Din is-sena ħa nagħmlu l-istess ħaġa, bid-differenza li n-nannu mhux ħa jkun preżenti. Ilni naħseb ġranet kif ħa jqatta' l-Milied waħdu d-dar... imma imbagħad nipprova nagħmel kuraġġ u ngħid li għal ġid tiegħu."

Franklin Calleja jinterpreta l-kanzunetta Warajk fuq mużuka ta' Dominic Cini u mużika ta' Etienne Micallef.

Franklin b'mod onest jispjega, "Minkejja li dan il-Milied ser ikun wieħed differenti xorta waħda tipprova tagħmel dak illi tista’, anke minn sitwazzjoni hekk. Il-Milied joffri sinifikat important ħafna għalija li jġib ferħ u hena. Sfortunatament din il-marda preżenti tal-Covid attakkat lill-familja tiegħi! Tħoss id-dinja tieqaf u ma’ temminx illi eventwalment laqtet lil dawk qrib tiegħek."

Hu jkompli jgħid li, "Din is-sitwazzjoni għallmitni naprezza iktar, u nagħraf iktar il-prijoritajiet tal-ħajja. Nixtieq insib iċ-ċans illi dan il-Milied inżur lil dawk in-nies waħedom f’dan iż-żmien diffiċli, u ngħin lil min m’għandux x’jiekol. Nixtieq nagħmel differenza."

Aħna f'isem Gwida.mt, nawguraw lill-parteċipanti kollha li bejn it-18 u l-20 ta' Marzu ħa jkunu qegħdin jikkompetu f'Mużika Mużika - Festival Tal-Kanzunetta Malija. Għal aktar informazzjoni żur is-sit ta' Mużika Mużika billi tagħfas HAWN.


Anthony Baldacchino