Qtil, serq, droga u mħabba. Division 7 hu mejqus bħala l-aktar drama popolari. Division 7 hu storja li l-awturi jixtiequ jwasslu messaġġ biha. Division 7 għalissa waqaf iżda ser ikompli x-xahar d-dieħel!

Kif iltaqgħet il-koppja?

Hassan raġel ta’ madwar 40 sena, iben ta’ missier Libjan u omm Maltija. Ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar 15-il sena u matul dan iż-żmien iltaqa’ mat-tfajla jisimha Samira u żżewwiġha. Iż-żwieġ ta’ Hassan kien żwieġ ta’ interess mhux ta’ mħabba, u dan sar għaliex meta qal lil missieru li huwa gay, dan qatt ma approvah dan il-fatt u għalhekk riedu bilfors jiżżewweġ mara.

Illum il-ġurnata Samira mejta u Hassan qed jgħix relazzjoni ta’ mħabba ma’ raġel ieħor jismu Mark. Mark huwa espert forensiku, wieħed mill-aqwa li hemm fil-korp tal-Pulizija. Mark huwa wkoll it-tifel tal-kummissarju. Fil-ħajja privata tiegħu Mark, għall-kuntrarju ta’ Hassan, ħareġ open mal-familja tiegħu fuq l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.

Ommu u missieru t-tnejn li huma aċċettawh kif inhu u saħansitra tant apprezzaw il-fatt li ħareġ open magħhom hekk li saru aktar japprezzawh u jħobbuh. Mark għandu wkoll oħtu, iżda din ma tridx taċċetta l-fatt li huwa gay, u għalhekk kull meta jiltaqgħu jispiċċaw jiġġieldu. Illum ħareġ illi oħt Mark hija wkoll gay, iżda għall-kuntrarju tiegħu, hi tibża’ toħroġ open mal-familja tagħha.

Ritratt: Facebook / Division 7

Kemm huma leali lejn xulxin?

Mark u Hassan huma ħafna leali lejn xulxin u bejniethom hemm imħabba sinċiera u profonda. Hassan jaf kollox fuq Mark, u saħansitra jħallaslu anki l-kiri tal-appartament fejn jgħix. Mark min-naħa l-oħra ma jafx x’inhu l-business prinċipali ta’ Hassan, u din hija ħaġa raġunata meta tqis li Mark huwa pulizija u Hassan huwa kriminal u importatur tad-droga. X’se jiġri ’l quddiem ma nafux. Li nafu żgur hu li l-imħabba ta’ bejniethom hija soda u jista’ jkun anki li hija soda aktar mis-sigriet li qed jaħbi Hassan minn Mark!

Għaliex għażiltu din il-koppja? X’relevanza għandna fl-istorja?

Il-koppja Hassan Mark hija koppja li għandha kuntrast qawwi f’oqsma differenti. Hassan għex ħajja ta’ mħabba falza minħabba li kellu jiżżewweġ mara kontra r-rieda tiegħu mentri Mark minn dejjem kien open fuqu nnifsu u dejjem għex kif xtaqet qalbu.

Mark jixtiequ ħafna joħrog ir-relazzjoni tiegħu fil-pubbliku mentri Hassan għandu ħafna x’jitlef u għalissa ma jistax. Il-koppja hija importanti għall-istorja għax twassal ħafna messaġġi, b’dawk l-aktar importanti jkunu ta’ mħabba, għaqda u ugwaljanza!

Ritratt: Facebook / Division 7

Hemm xi frażi/xena li qalu dawn l-aktar li tispikka?

Bla dubju l-aktar xena li spikkat kienet meta ħarġet li Hassan huwa gay! Dak iz-zmien lil Mark konna għadna ma ltqajniex miegħu, u skoprejna li Hassan kien gay eżattament fl-istess ħin li skoprejna li l-mara tiegħu Samira kienet ħarġet tqila minnu stess! Din kienet ħasda kbira għat-telespettaturi għax ħadd ma basar li Hassan kien gay.

Kemm hi importanti l-imħabba fid-drama f’Division 7?

Division 7 hija serje televiżiva li prattikament tolqot kull tip ta’ ġeneru, inkluż dak ta’ mħabba. Mark u Hassan, u kif anki semmejna Troy u Sarah, huma biss ftit mill-eżempji ta’ koppji li għandna fl-istorja, u aħna nemmnu li relazzjonijiet ta’ mħabba huma importanti għax l-imħabba hija l-aktar ħaġa li tgħaqqad!

Facebook / Division 7


Anthony Baldacchino