Is-sid tar-ristorant Palazzo Preca u waħda mill-preżentaturi tal-programm Viżjoni, Ramona Farrugia Preca, tkellmet ma’ Gwida.mt dwar il-vjaġġ li għaddiet minnu tul il-karriera tagħha biex waslet s’hawn. Sirna nafu diversi stadji li għaddiet minnhom biex illum il-ġurnata qed tmexxi Palazzo Preca. 

Nistgħu ngħidu li r-ristorant huwa mmexxi minn persuna li ġejja minn familja li l-industrija tat-tisjir kibret fosthom. Fil-fatt il-familja ta' Ramona u Roberta hi kollha involuta fis-settur tal-catering. Illum Il-ġurnata l-aħwa kollha qed jieħdu ħsieb xi stabbiliment tal-ikel, fosthom King’s Own u Tal-Familja. Ramona tgħidilna li 'l quddiem timmira li flimkien ma' Roberta tgħin lil ħutha ż-żgħar jaslu biex imexxu n-negozju tagħhom ukoll.

gf

Ramona tgħidilna li l-passjoni għat-tisjir u għall-ikel bdiet minn meta kienu żgħar hi u ħutha. “Il-papà kien iħallina nesperimentaw. Iktar minn hekk kellna waiter li kien jaħdem magħna, u kulma konna nagħmlu aħna, konna ntuh biex iduqu, u kien jieklu. L-imħabba lejn l-ikel ġiet awtomatikament. Tant kemm ġiet normali, li llum il-ġurnata ma nimmaġinanix nagħmel xi ħaġa oħra.”

Ramona tirrakkonta kif maż-żmien aktar ma kibret, aktar ħasset li tixtieq li jkollha xi ħaġa tagħha. “Kelli aktar ambizzjoni li jkolli xi haga tieghi. Kont naf, li jkollok ħanut qisu għandek tarbija li trid tkun magħha ħin kollu.” 

gf

Ramona kellmitna wkoll dwar kif żviluppa Palazzo Preca llum il-ġurnata, bit-tim dedikat u mimli talent li taħdem miegħu. “L-ewwel sentejn konna naħdmu minn filgħodu sa filgħaxija, ridt niftah jiena. Illum differenti, jiftħu x-chefs, u jafu x’għandhom jagħmlu, u kiber it-tim. Fil-bidu dejjem diffiċli, imma vera rewarding li żżomm dejjem l-istess staff u tmexxi aħjar, turi rispett lejhom, u huma lejk, huma jafu lilek u inti taf lilhom. Aħna lill-istaff nitrattawhom bħall-familja”

Ma’ Ramona tkellimna wkoll dwar l-ikel li joffru kif ukoll l-ispeċjalità tagħhom. “Bħala ikel noffru Meditarranean Cuisine u anke Malti.” L-ispirazzjoni għal Ramona u oħtha Roberta, dejjem sabuha mingħand ommha u missierha. “Għandna Liguini Caroso; kien signature dish tal-papà! Huwa għaġin li ssibu l-istess fit-tliet ristoranti, u huwa s-signature dish tagħna, u tajjeb ħafna… Biċċa steak tajba ħa ssibha hawn ukoll!”

gf

Fost id-deżerti li jipprovdu hemm iċ-Cherry Trifle, li anke ssibha fit-tliet ristoranti tagħhom. “Ovvjament u d-deżerta. Jekk tiġi hawn mhux se tieħu d-deżerta tal-pakkett, tal-ħeffa. Taqla’ iktar flus kieku, imma mhux il-punt għalina! Il-punt hu li tkun xi ħaġa li għamilnieha aħna. Anke l-Creme Brulee, jeżistu tal-pakkett ikunu lesti, u kemm tħallathom mal-ħalib. Lanqas dawk ma rridhomx!"

Ramona żżid tgħidilna li l-bażi tal-ingredjenti dejjem jaraw li jagħmluhom huma. Fejn jidħlu prodotti lokali, dejjem jagħtuhom importanza, kemm minħabba t-togħma u kif ukoll il-freskezza tal-prodott. L-għan hu biex dejjem jagħtu s-sapport lill-prodott lokali.

Meta hi u oħtha Roberta kienu l-ITS, kellhom l-opportunità li jmorru fuq programm minflok ix-chef li kellu jkun hemm. Ramona aċċettat u ħadet lil Roberta wkoll biex tingħaqad magħha. Kien waqt il-breakfast show ta’ John Bundy, u t-telespettaturi kienu ħadu pjaċir bihom.

“Jien u Roberta konna ngħidu kemm nixtiequ noħorġu fuq barra, u naraw nies differenti, l-aqwa li barra”, Ramona spjegatilna kemm saret tħares lejn l-ikel differenti llum il-ġurnata, anke sempliċiment patata. Tqis ix-xogħol li jkun ħa l-bidwi biex kabbarha fl-għalqa. “Il-programm wera ħafna interess man-nies, għax mhux dak it-tip li tmur fi studio u sempliċiment ikollok ir-rokna tal-kċina.”

gf

Ramona tispiċċa bil-fatt li dan kollu kisbuh grazzi għall-għeżież ġenituri tagħha. L-ispirazzjoni ewlenija kienet ġejja minnhom, u dan kollu jafuh lilhom. “Jiena meta kont żgħira dejjem kont nħares lejn lill-papà. Kien jispirani ħafna meta narah isajjar u jieħu pjaċir u qatt ma jgerger. Għalija li tmur ix-xogħol u tgerger, ma teżistix. Dik dejjem kienet tispirani fih. Kienet tispirani ukoll il-mamà. Kienet il-backbone tal-papà. Kienet tappoġġjah ħin kollu, u għalhekk kien għamel l-affarijiet b’suċċess ukoll għax kellu lilha warajh. In-nanna kienet tħobb ukoll l-ikel u ssajjar.”

Minn qalbna nirringrazzjaw lil Ramona tal-ħin li qattgħet magħna, u ninsabu tant grati li qasmet l-istorja ta’ suċċess li kellha flimkien ma’ oħtha Roberta. Minn qalbna nawguraw lilha u lill-familjari kollha storja ta’ suċċess!


Kyle Zarb