L-istaġun tax-xita - lil min iddejqu, min jgħid li x-xita bżonnjuża u min saħansitra jgħid li m’għamlitx f’waqtha! Insomma dejjem ingergru, daqqa għax is-sħana, daqqa għax il-bard u daqqa teħel magħna x-xita. Ix-xita bilfors li tfakkrek fl-ilma. Min għandu xi bir jew ġiebja jieħu gost li tagħmel ix-xita sa ma jimliehom, imbagħad tista’ ma tagħmilx aktar xita, sakemm jitbattlu u jkun iridha terġa’ tagħmel ix-xita!

L-ilma huwa l-aktar bżonn bażiku fil-ħajja. Sfortunatament, fid-dinja hawn kriżi kbira ta’ nuqqas ta’ ilma. Kważi biljun ruħ fid-dinja jgħixu mingħajr ilma nadif għax-xorb. Dan qed iseħħ madwar id-dinja kollha, iżda b’mod speċjali f’pajjiżi sottożviluppati fl-Afrika, fl-Asja t’Isfel u fl-Amerika Latina. Għalkemm hija kriżi tal-ilma, kollox jiġi affettwat: l-edukazzjoni, is-saħħa, il-faqar, u n-nisa u t-tfal. Familja li tgħix f’wieħed minn dawn il-pajjiżi aktarx li jgħixu b’anqas minn dollaru kuljum.

Meta jaqbadhom l-għatx ma jistgħux jaqbdu jiftħu l-vit u jsibu ilma frisk u nadif, għax lanqas biss għandhom vit! Minflok, in-nisa u t-tfal imorru jġibu l-ilma. Ħafna minnhom jimxu saħansitra 3 sigħat kuljum biex jaslu fejn roqgħa ilma jew għadira mikxufa u esposta għal ħafna mikrobi, fosthom il-ħmieġ tal-annimali.

Il-ħin li jittieħed biex imorru għall-ilma huwa kollu ħin mitluf li minflok jistgħu jmorru jitgħallmu jiktbu u jaqraw, jaħdmu biex jaqilgħu l-għajxien jew jieħdu ħsieb il-familja. Ħafna nisa jagħmlu aktar ħin jiġbru l-ilma milli jsajru, inaddfu u jieħdu ħsieb lit-tfal żgħar. Il-mixja għall-ilma mhux biss hija diffiċli, kemm għax it-toroq huma mħarbtin u għax l-ilma huwa tqil, iżda perikoluża wkoll. Ħafna jispiċċaw iweġġgħu jew jiġu attakkati minn annimali selvaġġi.

Meta fl-aħħar jirnexxilhom jaslu, l-ilma li jkunu ġarrew ma jkunx nadif. Il-familji jafu li l-ilma huwa kkontaminat bil-mikrobi li jikkawżaw dijarea, dejdratazzjoni u saħansitra mewt. Imma x’għażla għandhom? It-tfal, speċjalment it-trabi, huma l-aktar affettwati. Kull madwar 19-il sekonda omm titlef lil xi ħadd minn uliedha minħabba mard relatat mal-ilma.

Kuljum kważi biljun ruħ qed jgħixu f’din is-sitwazzjoni, sakemm ma jiġux megħjuna. Soluzzjonijiet hemm, fosthom filters tal-ilma u bjar, li jwasslu ilma nadif lil dawn il-familji fil-bżonn. Proġetti bħal dawn iwasslu għall-aktar ħin liberu biex it-tfal imorru l-iskola u n-nisa jieħdu ħsieb aħjar lill-familja jew imorru jaħdmu. L-Afrika biss tista’ tiffranka 40 biljun siegħa fis-sena. Ilma nadif ifisser anqas mard, anqas flus minfuqa f’mediċini u anqas imwiet. B’hekk ikun hemm aktar flus għall-edukazzjoni u żiedha ta’ tfal li jattendu l-iskola, speċjlament bniet. Kont taf li b’€20 biss tipprovdi lill-persuna waħda aċċess għall-ilma nadif permezz ta’ proġett f’raħal twelidha?

Missio Malta jaċċerta ruħu li familji u saħansitra komunitajiet sħaħ madwar id-dinja kollha, b’mod speċjali dawk f’żoni remoti, taslilhom l-għajnuna meħtieġa biex jgħixu aktar b’dinjità. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-websajt www.missio.org.mt jew iżur il-paġna ta’ Facebook Missio Malta. Grazzi mill-qalb.


Gwida.mt