Għoxrin artist lokali ser jirċievu rigal tal-Milied kmieni din is-sena, hekk kif fil-bidu ta’ Diċembru ser tibda t-tieni fażi ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija!

Wara 148 sottomissjoni minn artisti lokali b’mużika ta’ kull ġeneru, il-ġurija esperta ta’ Mużika Mużika rnexxilha tagħżel l-ewwel 35 kanzunetta li għalqu l-fażi inizjali ta’ dan il-konkors tant prestiġjuż. Iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika, is-Sur Raymond Bugeja qalilna li din l-għażla xejn ma kienet waħda faċli, minħabba t-talent abbundanti u l-livell għoli ta’ kanzunetti sottomessi.

“L-għażla tal-35 kanzunetta ma kinitx faċli għall-ġurija tagħna. Il-kanzunetti kollha ġew evalwati bir-reqqa għal diversi kriterji, u kburin ngħidu li dawn kollha kienu ta’ kalibru mill-aqwa.”

Is-Sur Bugeja kompla billi awgura lill-parteċipanti kollha, kemm dawk li ntagħżlu u dawk li ma rnexxilhomx jgħaddu għall-fażi li jmiss. “Ninkoraġġixxu lil dawk kollha li ma rnexxilhomx jgħaddu mill-ewwel fażi biex ma jaqtawx qalbhom u jerġaw jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom is-sena d-dieħla. It-talent Malti huwa abbundanti u b’wiċċi mill-quddiem ngħid li s-sottomissjonijiet kollha ta’ kwalita’ għolja.” Aħna ta’ Gwida ċerti li hawn Malta għandna talent liema bħalu u nżidu fuq il-kliem taċ-Chairman tal-festival billi nħeġġu lill-artisti jerġgħu japplikaw għas-sena li ġejja.

Issa l-festival ser jkun qed jimxi għat-tieni fażi tiegħu, fejn nhar l-Erbgħa 2 ta’ Diċembru dawk il-35 kanzunetta magħżula ser jiġu interpretati live, u akkumpanjati minn backing track, quddiem ġurija esperta oħra. Ta’ min jgħid ukoll li din ser tkun differenti minn dik tal-ewwel fażi. Wara deliberazzjoni xierqa, il-ġurija ser tagħżel l-20 kanzunetta semi-finalista li ser jkunu qed jikkompetu live f’Marzu 2021 fuq il-palk tal-MFCC Ta’ Qali.

Apparti minn hekk, is-Sur Bugeja jgħidilna li l-preparamenti għall-dan il-festival għaddejjin ġmielhom u qed jiġu ffinalizzati l-elementi tekniċi tal-awdjo u l-viżwali kif ukoll id-disinn tal-palk. Ma jonqosx li wara li jitħabbru l-20 kanzunetta finalista ser insiru nafu aktar dwar l-artisti li ser jieħdu sehem fil-festival.

Nawguraw lill-parteċipanti kollha ta’ dan il-festival! Min taħsbu li ser naraw fil-finali? Dan il-festival huwa produzzjoni ta’ Festivals Malta bis-sapport tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali. Għal aktar informazzjoni dwar il-festival u dwar il-kanzunetti magħżula s’issa, irrikorri fuq www.muzikamuzika.org.


Gwida.mt