Luke Magro huwa mudell, preżentatur, u anka għandu preżenza kbira fuq il-midja soċjali bil-filmati ċajtiera u ta’ tisjir li għamel. F’intervista esklussiva ma’ Gwida.mt, kellimt lil Luke dwar kif iqatta’ l-ġurnata tal-ewwel tas-sena u xi affarijiet oħra personali.
1) X’jimmotivak l-iktar fil-ħajja?
“L-iktar ħaġa li timmotivani huma n-nies ta’ madwari. Il-ġenituri u t-tfajla li dejjem jissapportjawni f’kull ma nagħmel. Iktar min hekk ir-rispons qawwi tan-nies fuq il-midja soċjali li jimmotivani nkompli nagħmel dan ix-xogħol għax inferraħ lin-nies bil-kontenut tiegħi.”
2) Kif tqatta’ l-ġranet tal-ewwel tas-sena?
“Il-bidu tas-sena nnifisha normalment inqattaha insajjar xi ħaġa għall-familja kollha d-dar, ħa nara x’voti ħa jtuni! L-ewwel jiem tas-sena inkun qed inħejji pjan tax-xogħol ta’ kontenut ġdid mal-brands li nirrapreżenta biex nara x’direzzjoni ġdida ħa nagħti l-kontentut fuq il-midja socjali u nevalwa x’ideat ġodda nista’ nimplimenta.”
3) Int bniedem li tippreferi toqgħod id-dar tara film, jew tmur xi party?
“Allavolja nattendi ħafna avvenimenti għax parti kbira minn xogħli. Meta jkolli weekend free kważi dejjem nispiċċa d-dar insajjar xi ħaġa (for a change) u naraw xi film għall-kwiet. M’inix bniedem tal-parties u storbju, u lanqas xi wieħed li nħobb ix-xorb.”
4) Temmen bir-riżoluzzjonijiet?
“Personalment ma nagħmilx daqshekk riżoluzzjonijiet għax nemmen li m’għandhiex tiġi sena ġdida biex iddawwar ħajtek għal dak li tixtieq ittejjeb. Però nirrifletti ħafna fuq is-sena li tkun għaddiet biex naprezza fejn ħajti marret għall-aħjar. Ħafna drabi ftit naħsbu dwar it-tajjeb li ġara għax dejjem naħsbu x’jista’ jkun itjeb milli għanda diġà.”
5) Fejn taħseb li se tkun 10 snin oħra?
“L-ewwel xewqa li għandi hija li jkolli t-tfal. Ilni rrid insir missier. Nispera wkoll li x-xogħol fil-midja soċjali jkompli jikber u nsir iktar stabbilit fuq it-televiżjoni Malti bħala preżentatur. Għandi xewqa kbira li nara l-band Arctic Monkeys live f’kunċert għax fan kbir tagħhom. L-aħħar ħaġa hi li jirnexxieli jkolli l-abs ta’ 40. Irrid naqdef ħafna biex nibqa fix-shape li qiegħed bħalissa.”
View this post on Instagram