It-tifel ta’ Danita minkejja li għadu żgħir hu vera obbidjenti. Iħobb jidħaq ħafna u mhux xi wieħed joqgħod jeqred. Din is-sena daħal l-ewwel darba ċ-child care. Issa għandu kważi sentejn u tgħidx kemm kien eċitat l-ewwel darba! Iltqajna ma’ Danita u Lenny għall-intervista li ser tiġi ppublikata sħiħa nhar il-Ħadd li ġej fuq ir-rivista GWIDA.

“L-ewwel ġurnata daħal qisu raġel, għidt bomba jien! Tgħidx kemm mort ferħana d-dar, beka ftit imma mhux tal-għaġeb u għidt vera mar tajjeb. Imma mbagħad dejjem niggravaw; aħna kollox bil- kontra! It-tieni ġurnata tkun agħar mill-ewwel, għax l-ewwel ġurnata ma kienx jaf x’ħa jiġri. Issa qed nissetiljaw ħafna imma kif iqum filgħodu u jkun jaf li t-Tnejn għax ikun sejjer l-iskola jkun irid li ngħidlu l-istorja.

Ivvintajtlu storja ta’ din it-tifla li tmur l-iskola. Kif jiftaħ għajnejh ikun irid jismagħha din l-istorja u jgħidli “storja Lucy... storja Lucy”. Jiġifieri jkun jaf, jibqa' jeqred u ma jkunx irid imur, imma mbagħad tgħidx kemm jieħu pjaċir” tgħidilna Danita.

U Danita kif ħaditha? Għal bidu ħasbet li kienet ser tkun ħażin ħafna. “Fil-verità jien bniedma li kont niddejjaq inħallih ma’ ommi u mal-kunjata għax kulħadd għandu x’jagħmel u niddejjaq qisni nitfa’ l- piż tiegħi fuqhom. Allura li naf li mar hemm ma’ nies li qed jagħmlu xogħolhom u qed jieħu gost, ħadt naqra r-ruħ”

Issa Lenny meta jkun qiegħed iċ-child care tieħu ħsiebu Miss Celine u jidher li sejjer tajjeb ħafna, “Jkellimhom u joħdilhom rashom ...Wara dejjem jiġi super kuntent id-dar, u għalhekk qisni nkun irrid nerġa’ nibagħtu. Ikun jidher li ħa pjaċir, jgħidli x’għamel minn xħin jidħol sa ma joħroġ, eżempju fuq x’kienet l-istorja, x’qagħad jagħmel, x’kantaw. Allura jien inkun moħħi mistrieħ. La jiġi lura d-dar ferħan ngħid mela li qed nagħmel għall-ġid tiegħu” tikkonferma Danita.

Aqra l-intervista sħiħa nhar il-Ħadd li ġej fl-aħħar GWIDA ta’ din is-sena.


Gwida.mt