Conrad Pineda li hu Seminarista jgħid, “L-ewwel ħsieb li qatt kelli li nsir qassis kien meta kelli xi 9 snin u kont dħalt abbati. Iżda meta spiċċajt is-sekondarja l-idea taret minn moħħi għax daħluli ħsibijiet oħrajn ferm aktar interessanti. Bdejt ninteressa ruħi fl-istorja u fil-politika, u ddeċidejt li ridt insir politikant biex nirranġa l-pajjiż. Bdejt ninteressa ruħi fit-tfajliet ukoll, u l-ħajja taċ-ċelebat ma kenitx tgħodd għalija."

Hu jkompli jispjega, "Meta dħalt l-università ntbaħt mill-ewwel li l-politika ma kenitx għalija u fl-istess ħin bdejt ninvolvi ruħi f’ċentru Kattoliku. Bdejt nisma’ l-quddiesa kuljum u darba fil-ġimgħa kont nagħmel siegħa adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija. Ħafna minn sħabi bdew iħajruni nerġa’ naħsibha dwar li nsir qassis, iżda kont inħoss li s-saċerdożju ma kienx triqti. Fl-istess ħin ridt nieħu deċizjoni x’kont ridt nagħmel b’ħajti, niżżewweġ jew nidħol qassis? Kelli ħafna tensjoni u anzjetà u fittixt l-għajnuna tad-direttur spiritwali Mons. Panke. Qalli biex nieqaf naħseb u nsir naf aktar lil Alla. Tħawwadt, imma smajt minnu u ffukajt fuq it-talb. Ma bqajtx naħseb u nagħmel pjanijiet; ħallejt lili nnifsi miftuħ."

Fl-aħħar jgħid, "Meta darba kont qed nitlob b’ħarsti lejn l-artal u għaddieli l-ħsieb li nsir qassis, imtlejt bil-grazzja u l-ferħ; ferħ li ma kontx naf mnejn ġej. Kont naf li Alla kien qed ikellimni u ma ridt xejn ħlief li nkun miegħu u nagħmel dak kollu li ried minni. Erġajt bdejt nippjana u mort nerġa’ nkellem lid-direttur spiritwali. Din id-darba qalli li kelli nidħol is-seminarju eżatt wara li niggradwa. Qatt f’mitt sena ma kont ħsibt dwar is-seminarju, imma aktar ma naħseb u nitlob fuq hekk aktar l-affarijiet bdew jagħmlu sens. Applikajt, għalkemm ma kontx ċert x’jien nagħmel, imma afdajt f’Alla li kont naf li kien ser jieħu ħsiebi. Fraħt meta sirt naf li ġejt aċċettat fis-seminarju. Minn kemm ili li dħalt is-seminarju, Alla berikni b’ħafna grazzji u qatt ma ħassejtni daqshekk ferħan.”

Missio Malta, permezz ta’ Boroż ta’ Studju mingħand il-benefaturi, jaċċerta ruħu li seminaristi missjunarji madwar id-dinja kollha, b’mod speċjali dawk f’pajjiiżi foqra ħafna, taslilhom l-għajnuna meħtieġa biex ikunu jistgħu jkomplu l-istudji tagħhom. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-websajt www.missio.org.mt jew iżur il-paġna ta’ Facebook Missio Malta. Grazzi mill-qalb.


Gwida.mt