It-tim ta' Gwida.mt tkellem ma' koppja simpatika immens dwar il-festi tal-Milied. Kemm dawk tal-passat, kif ukoll ta' dis-sena! Il-koppja rrakkuntawlna diversi mumenti ħelwin u indimentikabbli li kellhom f'dawn iż-żminijiet. Sirna nafu anke xi affarijiet li forsi ma kontux tafu dwar iż-żewġ atturi. Jgħaddu anke messaġġ mill-isbaħ li ħiereġ mill-qalb!
Kieku kellkom issemmu l-isbaħ Milied ta’ ħajjitkom, liema jkun? Għaliex?
Simone: Min-naħa tiegħi wieħed mill-isbaħ Milied li nibqa’ niftakar, kienet dik is-sena meta ġibna l-ħbieb tagħna d-dar. Konna qattajna mill-Milied sal-aħħar tas-sena nistiednu lil xi ħadd differenti, xorta ħadna gost b’mod differenti.
Ivan: Il-Miliedijiet kollha għandhom xi ħaġa speċjali. Milied li nibqa’ niftakar meta konna nilbsu ta’ Father Christmas, jien kont nilbes ukoll. Anke meta konna tfal niftakar lil Missieri nieżel it-taraġ liebes ta’ Father Christmas. Anke meta morna nagħtu r-rigali lil dawk fil-bżonn. L-ewwel darba li dħalt uffiċjalment għand Simone kien il-Milied, u kont liebes ta’ Father Christmas!
Xi jdaħħlek l-iktar fl-ispirtu tal-Milied?
Ivan: Jiena nemmen li hemm proċess fil-Milied, minkejja qed isir sfortunatament kummerċjali, aħna nħobbu nżommuh tradizzjonali. Għall-Milied pereżempju nibdew inżejnu fl-ewwel Ħadd tal-avvent. It-tiżjin, il-Bambin. Dawn huma fatturi li jdaħħluk fl-ispirtu. Għall-purċissjoni tal-Bambin ukoll, sfortunatament ħa jkollna problema din is-sena. Li tħalli tbissima fuq dak li jkun huwa l-vera spirtu tal-Milied.
Simone: Nipprova nsib dik ix-xi ħaġa li ddaħħalni fl-ispirtu tal-Milied, u waħda mill-affarijiet hi dik li tferraħ lil ħaddieħor. Waħda minnhom meta konna morna nduru fl-isptarijiet bir-rigali. Affarijiet żgħar li jgħinuk tidħol fl-ispirtu.
Tħobbu s-safar? Esperjenza barra minn Malta fi żmien il-Milied li ma tinsa qatt.
Ivan: Dejjem kont inżomm ftit lura milli nsiefer fil-Milied, għaliex dejjem nisma’ lil min ibeżżani biex noqgħod attent mis-silġ u hekk. Bdejt ngħid isma l-aħjar immur ma’ xi ħadd li diġà kellu esperjenza ta’ safar fis-silġ. Fil-fatt hekk ġara, sifirna ma’ xi tliet koppji, u kienet esperjenza sabiħa li sifirna fil-Milied. Għamilna l-Milied u lejliet l-ewwel tas-sena fis-silġ. Tara Milied kif dejjem tarah fil-kartolini, morna Ġermanja, Svizzera, L-Awstrija. Sfortunatament dis-sena qed ngħidu aħjar le, minħabba l-Covid-19. Naf li hi xewqa tagħna, imma aħjar ftit sagrifiċċju
Tħobbhom id-dekorazzjonijiet tal-Milied? Minn meta tibda tarma għall-Milied? Ikollok għajnuna?
Ivan: Iva nħobbuhom id-dekorazzjonijiet! Ħa ngħid għalija, Iva! Forsi Simone naqra inqas.
Simone: Ħa ngħidlek, mhux li nżejjen tal-Milied niddejjaq, imma l-iktar ħaġa li niddejjaq nagħmel hi l-Christmas Tree! Ivan iħobb Christmas tree kbira, jien ma nħobbhiex hekk għax fiha x-xogħol, mhux għax mhux sabiħa, għax meta naraha lesta, nieħu pjaċir biha!
Qatt ġratlek s’issa li rċevejt rigal u m’għoġbokx? X’għamilt jew x’tagħmel kieku?
Ivan: Ħa ngħid hekk, li ma jogħġobnix rigal ma ngħidhiex jien! Ma kienx hemm rigal imma li għidt 'Illajs kemm m’għoġobnix.'
Simone: Jien inħobb ħafna l-ħwejjeġ, li niddejjaq meta naqla’ xi ħaġa tal-ħwejjeġ u ma jiġunix! Rari ħafna imma li qlajt xi ħaġa tal-ħwejjeġ u ma jiġunix.
L-isbaħ rigal jew l-iktar ħaġa importanti li Ivan u Simone qatt jista' jkollu/ha għall-Milied?
Simone: Il-kuntentizza, is-saħħa u l-paċi huma l-isbaħ ħaġa li jista’ jkollna!
Ivan: Li tkun mal-persuni li tħobb, u tiltaqa’ ma’ dawk viċin tiegħek, huwa diġà biżżejjed. Jien inħobb is-sorpriżi ħafna ukoll!
Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?
Simone: Nirringrazzjaw ħafna lit-telespettaturi li jsegwuna f’dak kollu li nagħmlu. Grazzi tar-rispons tagħhom li nirċievu fuq Facebook. Dik xi ħaġa li tagħmlilna kuraġġ, meta nkunu ħa naqtgħu qalbna f’dax-xogħol, għax dax-xogħol fih l-iebes tiegħu, imma intom stess tagħmlulna kuraġġ biex nibqgħu għaddejjin! Grazzi ħafna! Aħna l-iskop tagħna li nferrħu u nagħtu pjaċir lit-telespettaturi.
Ivan: Ix-xogħol tagħna hu li mhux biss li tgħix il-karattru li tkun qed taħdem fuqu, imma li tibgħat messaġġ, u li l-karattru li qed tagħmel kapaċi jkun ta’ relief għall-persuna. Bħalissa għandna rispons qawwi għal Ulied il-Lejl, rispons b’togħmiet differenti. Eżempju Leli, bħala karattru li mhux il-missier ideali, ngħiduha. Simone mill-banda l-oħra, qed jissimpatizzaw ħafna mal-karattru li qed taħdem. Grazzi ħafna lis-segwaċi tagħna.
Simone: Il-messaġġ li nixtieq nagħti, l-ewwel ħaġa nawgura lil kulħadd il-Milied it-tajjeb u sena mimlija saħħa u hena. Mimlija paċi u kuraġġ. Jalla din il-pandemija tħallina, għax sfortunatament erġajna qegħdin daqsxejn preokkupati.
Ivan: Biss naħseb il-messaġġ ewlieni hu l-kuraġġ! Il-bniedem dejjem kien reżiljenti, b’saħħtu, iħares ‘il quddiem b’kuraġġ u jekk naħdmu ilkoll flimkien, bl-għajnuna ta’ xulxin u t’Alla, nistgħu nirnexxu u nimxu ‘l quddiem u jekk Alla jrid naraw xemx ġdida.
Nirringrazzjaw lil Ivan u Simone tal-ħin li qattgħu jitkellmu magħna għal din l-intervista. Aħna minn qalbna nawguraw lilhom u lill-familja kollha l-isbaħ xewqat!