The Ride Home hu l-programm tar-radju li bdiet tippreżenta Amber flimkien ma' Dorian. Nistaqsu lil Amber kif sejra fl-ewwel esperjenza tagħha f'dan il-qasam. Insemmu l-kanzunetta Tifkiriet, li ħarġet flimkien mal-kantanta veterana Mary Rose Mallia. Amber tiżvela li bħalissa qed taħdem fuq l-album il-ġdid tagħha. Il-Ħanina Maddalena kienet il-produzzjoni li nibtet f'Amber interess ġdid, dak lejn it-teatru. U xi ġralha waqt waħda mir-rappreżatazzjonijiet?

Amber, riċentament bdejt xi ħaġa differenti milli s-soltu mdorrijin narawk tagħmel. Flimkien ma' Dorian qed tippreżenta l-programm tar-radju The Ride Home. X'wasslek biex tidħol għal din l-avventura?

Din hija l-ewwel esperjenza tiegħi fuq ir-radju u onestament qatt ma immaġinajt li ħa nkun qed nippreżenta programm. Carlo Borg Bonaci kien dejjem jgħidli li għandi nipprova nippreżenta fuq ir-radju xi darba però jien qatt ma ħsibt li xi darba ħa jkolli programm tiegħi fuq ir-radju. Sakemm din is-sena reġa’ bagħat għalija Carlo u reġa’ staqsini jekk nitħajjarx. Iddeċidejt li nippruvaha u nara kif immur.

Ma’ Dorian qatt ma ħdimt qabel, kont nafu biss ftit allura kont ftit xettika jekk naqblux. Però nista' ngħid li ma setax ikolli co-host aħjar minn Dorian. Immorru tajjeb ħafna flimkien, u pjuttost nidħku iżjed off air milli on air. L-esperjenza tar-radju hija xi ħaġa li vera qed nieħu gost nagħmel. Qed nieħu pjaċir niltaqa' man-nies u jgħiduli li jieħdu pjaċir jisimgħu l-programm. Għalija tifsser ħafna dik.

View this post on Instagram

A post shared by Amber! (@imamberofficial) on

Minħabba li din hi l-ewwel esperjenza tiegħek bħala preżentatriċi fuq ir-radju, sibtha faċli biex taddatta għal din l-avventura ġdida?

Għall-bidu kont daqxejn imbeżża', biex ngħid il-verità. Bħal kwalikwa ħaġa oħra meta tkun l-ewwel darba, iktar tibda tara l-affarijiet ħżiena milli s-sabiħ. Bdejt nibża' li neħel, jew ma nkunx naf x'se naqbad ngħid, li se nidejjaq jew forsi ma togħġobnix l-esperjenza jew li ma mmurx tajjeb ma’ Dorian. Pjuttost sar kollox l-oppost għaliex spiċċajt qed nitkellem ħafna u lil Dorian ma nagħtihx ċans. Ma nidejjaq qatt nagħmlu l-programm u qiegħda nitgħallem ħafna affarijiet ġodda kuljum.

Sodisfatta bir-rispons li kellkom s'issa?

Ħafna sodisfatta. Ir-rispons hu importanti ħafna għalija. Hemm min jgħidilna li għalihom aħna wens jew inżommulhom kumpanija. Apparti li llum il-ġurnata n-nies qed idumu iktar fit-traffic allura mhux dejjem iħobbu jisimgħu mużika biss, u jkunu jridu jisimgħu nies jitkellmu u jiddiskutu. Għalhekk aħna kemm jista’ jkun nippruvaw nagħmlu l-ħin tan-nies fit-traffiku iktar rilassanti. Aħna fl-aħħar mill-aħħar il-programm nagħmluh għan-nies, allura r-rispons hu importanti ħafna.

View this post on Instagram

A post shared by Amber! (@imamberofficial) on

Riċentament ukoll, flimkien mal-kantanta veterana Mary Rose Mallia nedejtu kanzunetta partikolari. Kanzunetta bl-isem ta' Tifkiriet, b'mużika tiegħek stess u Elton Zarb, u kliem ta' Simon Bartolo. Kif oriġinat l-idea għal din il-kanzunetta?

Waqt il-Ħanina Maddalena, il-musical li ħadt sehem fih dan is-sajf iltqajt ma' Simon Bartolo li kien il-kittieb ta' dan il-musical. Flimkien tkellimna u xtaqna li xi darba naħdmu fuq diska flimkien. Kellna xi ħaġa komuni li bla ma ridna iktar għaqqditna biex naħdmu fuq mużika flimkien. Din kienet Mary Rose Mallia. U minn hemm bdiet l-idea għal 'Tifkiriet'. Iltqajna ma’ Elton Zarb biex naħdmu fuq il-mużika, kif ukoll ma’ Olwyn Jo Saliba biex nitkellmu dwar il-vidjow mużikali. Konna tim tal-ġenn naħdmu flimkien, u dħakna ħafna, tkellimna ħafna u ħdimna ħafna wkoll. Tifkiriet hija diska għal qalbi ħafna.

X'jagħmel din il-kanzunetta tant speċjali?

Mary Rose Mallia tagħmilha speċjali ħafna. Mara b'esperjnza kbira fix-xena tad-divertiment u li baqgħet saqajha mal-art. Għandek ukoll it-tema tad-diska fejn fiha jisemmew diversi kanzunetti Maltin li huma familjari ma’ kulħadd u li forsi maż-żminijiet intesew ftit. Għalhekk bis-saħħa ta’ din id-diska erġajna tajna ġieh lil dawn id-diski.

View this post on Instagram

A post shared by Amber! (@imamberofficial) on

X'fisser għalik il-fatt li qsamt din l-esperjenza ma' artista bħal ma hi Mary Rose Mallia?

Mary Rose Mallia għalija hi l-iktar artista Maltija li nammira, allura l-fatt li kantajt magħha kien ta’ unur kbir għalija. Kelli ċ-ċans insir naf lil Mary Rose Mallia iktar mill-viċin. Mara b’ħafna enerġija, b’ħafna affarijiet x'tirrakonta li bla trid tpoġġi u tintefa' tismagħha titkellem, għax issaħħrek.

View this post on Instagram

A post shared by Amber! (@imamberofficial) on

X'impatt ħalla l-musical Il-Ħanina Maddalena fuq il-karriera tiegħek?

Sirt napprezza iżjed il-palk u l-musicals speċjalment għax stajt nifhem iżjed kemm jinvolvi nies u ħin, u dedikazzjoni. Fetaħli ħafna bibien ġodda. Apparti l-fatt li tgħallimt ħafna minn dan il-musical.

Is-suċċess tiegħek qed jikber anki mill-aspett akkademiku, għaliex proprju f’Novembru li għadda gradwajt għat-tieni darba. Għidilna aktar dwar din il-kisba, u x'żammek tant determinata li tasal għaliha?

Hekk hu, f'Novemebru gradwajt f'Master in Innovation & Creativity mill-fakkulta ta' Edward Debono ġewwa l-Università ta’ Malta. Kienet kisba importanti ħafna għalija. Ma kinitx faċli għalija li nagħmel din il-master għaliex kienet tirrikjedi ħafna ħin imma rnexxili u għamiltha. L-iktar ħaġa sabiħa kienet li rajt lil ommi u missieri kuntenti waqt il-gradwazzjoni għaliex bħal ħafna ġenituri oħra għamlu ħafna sagrifiċċji biex jien u oħti nkunu nistgħu nibqgħu nistudjaw.

View this post on Instagram

A post shared by Amber! (@imamberofficial) on

Hemm xi sfida differenti minn tas-soltu li tixtieq tidħol għaliha fil-futur qarib?

Jien qatt ma ngħid le għal sfida. Għalkemm ngħid li se nieqaf nistudja, xota tibqa’ tberren f'moħħi li nerġa’ nistudja għal xi ħaġa oħra. Nixtieq nesplora iktar it-teatru speċjalment minn aspett ta' musical.

Qed taħdem fuq mużika ġdida? U x'inhu r-rwol tiegħek?

Iva, bħalissa qed naħdem fuq l-album il-ġdid tiegħi fejn qed nikteb il-materjal jien stess. Hu proċess twil ħafna u jirrikjedi ħafna paċenzja u xogħol iżda qed nieħu ħafna gost naħdem fuqu. Bħalissa qiegħdin fl-aħħar fażi tal-kitba, li tista’ tgħid hija l-iktar parti kruċjali.

Nota: Dan l-artiklu deher l-ewwel fuq il-publikazzjoni ta’ kull ġimgħa Gwida.

Instagram / imamberofficial


Roberta Magri