"L-Enemalta għandha kapaċità biex tlaħħaq mad-domanda għall-elettriku f’kull ċirkustanzi tat-temp kemm fis-sajf kif ukoll fix-xitwa," kelliem għall-Enemalta kkonferma mas-sit lokali BusinessNow.mt.
Huma spjegaw li, "L-estremitajiet tat-temp jafu jkunu sfida għal kull kumpanija tal-enerġija fid-dinja. Is-sajf li għadda, Malta kellha tliet heatwaves li għal diversi raġunijiet ħolqu pressjoni inevitabbli fuq l-infrastruttura kumplessa tad-distribuzzjoni tal-elettriku li wasslet għal xi interruzzjonijiet f’xi lokalitajiet."
Huma jżidu wkoll li dawn l-interruzzjonijiet ma kinux fit-tul, "Il-maġġoranza ta’ dawn kienu qosra għaliex bis-sistema tar-remote switching, il-provvista f’ħafna każi ngħatat lura f’inqas minn kwarta u kienu ftit każi iżolati fejn l-interruzzjoni ħadet aktar minn siegħa."
Rigward l-interruzzjonijiet li forsi jieħdu ftit aktar fit-tul huma jgħidu, "Ħafna drabi dan iseħħ meta l-ħsara tkun f’cables taħt l-art u ikun jinħtieġ mhux biss tiġi identifikata l-ġonta li tkun ċediet iżda ukoll li isir t-tħaffir tat-trinka. Anke f’każi bħal dawn fejn huwa possibbli, l-provvista tiġi restawrata billi l-provvista tingħata minn cable alternattiv fuq l-istess ċirkwit sakemm isiru t-tiswijiet meħtieġa u fejn possibbli jintuża temporanjament generator."
Iżda l-aħbar tajba hi li, "Fl-aħħar xhur, l-Enemalta tat spinta lil programm t’ investimenti għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni f’diversi lokalitajiet u l-progetti għadhom ghaddejjin. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu upgrades fiċ-ċentri tad-distribuzzjoni u f’diversi substations. Sar ukoll mal-40 substation ġdida u tqiegħed ta’ feeders ġodda."
Huma jtemmu billi jispjegawlna li l-Enemalta ħadet u qed tkompli tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tassigura l-konsistenza fil-provvista tal-elettriku f’kull staġun tas-sena.