Bħalissa għaddej xogħol bla waqfien fuq id-drama televiżiva IŻ-ŻAGĦKA li se tiddebutta għall-ewwel darba minn Ottubru li ġej fuq NET TV, kif ħabbarna ftit tal-jiem ilu. Dan ħa jkun vjaġġ li jieħdok fejn jieħdok iwasslek tara s-sabiħ.

L-atturi, li ħafna minnhom huma rinomati u familjari magħkom, qarrejja tal-Gwida, qegħdin fil-karattru tagħhom għal kollox. Il-produtturi ta’ din is-sensiela televiżiva, qalulna li se tkunu qed taraw l-atturi li soltu rajtu fil-produzzjonijiet passati tagħhom, b’wiċċ u b’karattru li qatt jew rari rajtuhom jinterpretawhom.

Il-proċess tal-kitba, fih ħafna ħsieb u xogħol. Ir-riċerka ma tonqosx, mhux biss fuq ix-xeni li jiġru fl-epoka, iżda wkoll fuq fatti u atti psikoloġiċi, biex meta jinkitbu x-xeni, kollox jiġri stat ta’ fatt. Il-qarrej, irid jitgħallem japprezza li wara dak kollu li jkun qed jara fuq is-sett tat-televiżjoni, ikun hemm ammont u sigħat twal ta’ preparazzjoni u xogħol, xogħol matul il-lejl u fis-sħana tremenda li jaf joffri s-sajf f’Malta.

Il-moħħ wara din is-sensiela, Desier Debono, jispjega mill-ġdid xi tfisseri il-kelma ż-żagħka u x’wassal biex propju jikteb sensiela televiżiva fuq dan il-pjan....“Iż-Żagħka” hija kelma li fl-antik kienu jużawha biex jirreferu għal persuna li ma tkunx issettjata f’ħajjitha. Tista’ tkun kemm mara u kemm raġel. Persuna egoista, li tħobb persuna, għal ġisimha iżjed milli għall-karattru ġewwieni tagħha.

L-istorja taż-żagħka, bbażata fuq dar antika, li jkunu wirtu żewġ żgħażagħ, u li l-mawra tagħhom ġo fiha twassal għal ħsibijiet mill-imgħoddi u investigazzjonijiet tal-pulizija. L-ispetturi Ludwig Shead (Jonathan Laferla) u Antida Fleri (Daphne Said) ikunu inkarigati mill-assistent Kummissarju Vivienne Xerri (Marica Mizzi) biex jinvestigaw il-każ bir-reqqgħa u fid-dettall. Imma fejn se jeħodna dan kollu?”

Min isegwi din is-sensiela, se jinnota qabża liberali fix-xogħol għal DM MIDJA, mhux biss bħala xogħol artistiku, iżda anki tekniku, u din il-biċċa tħalliet f’idejn Sebio Aquilina u t-tim tiegħu. Wieħed jista’ jikseb aktar informazzjoni dwar dan kollu, billi jżur il-paġna uffiċċjali ta’ Iż-Żagħka fuq is-sit popolari Facebook, fejn hemmhekk, jekk isegwi, jkun jista’ jaġġorna ruħu b’informazzjoni minn ħin għal ieħor.

Drama li fiha ħafna għal kulħadd. Kitba u ħidma li se żżommok imsammar mas-sett tat-televiżjoni. Ħafna segwaċi tad-drama u ta’ NET Television, jafu biż-żagħka u għandhom seba’ mitt sena biex jibdew isegwu l-puntati ġimgħa wara oħra u jgħixu din l-istorja billi jdaħħluha f’darhom.

Kemm Desier u kemm Melanie-Jo Mangani, flimkien mat-tim kollu qegħdin jaħdmu fuq li jaħdmu, biex fl-iskeda tax-xitwa, l-pubbliku jkun jista’ jsegwi prodott tajjeb maħdum b’ħafna mħabba.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.


Gwida.mt