L-arti hawn Malta forsi mhux stmata daqs industrija oħra. L-artist lokali Jeremy Grech iqajjem diversi punti. Punti li fl-aħħar jien ġew maqsuma fuq il-mezzi soċjali minn diversi artisti, atturi, kantanti u żeffiena. 

Jeremy jgħid, "Aħna l-artisti konna nistennew bil-ħerqa biex naraw jekk hemmx xi ħaġa li ssemmi l-arti. Jekk it-teatri hux se jitħallew jiftħu, jekk nistgħux immorru lura biex nagħmlu x-xogħol tagħna ... għal dak li ttrenjajna, minn dak li naqilgħu l-għajxien tagħna. Is-sena li għaddiet kienet siekta. Siekta wisq."

Infatti hu jkompli jżid, "Huwa fatt magħruf li l-arti f'Malta ovvjament mhix miżmuma fl-ogħla konsiderazzjoni, għaliex? Mhix meqjusa bħala professjoni ... huwa biss passatemp. Dażgur li mhuwiex ..." Jeremy jġib diversi eżempji ta' affarijiet li wieħed kien għaddej jagħmel waqt il-lockdown li kollha ġejjin mill-qasam tal-arti.

Jeremy iqajjem punt li forsi jdarres kemxejn iżda mhi xejn ħlief realtà, "Biex insostnu dan saħansitra aktar, l-arti anqas biss issemmiet iżda l-Knisja titħalla tiftaħ għall-quddies. It-teatri jibqgħu magħluqa, aħna msikkta, impoġġija fil-ġenb... Filwaqt li ppruvajna nidħlu online, biex nadattaw... mhux l-istess... mhix l-istess bħal li tesperjenzaha live."

Hu jistqarr li jifhem li produzzjonijiet kbar ma jistgħux isiru iżda f'dawn iż-żminijiet inċerti u ta' sfida jixtiequ jkunu jafu fejn sejra l-karriera tagħhom. L-arti għandha tkun importanti f'pajjiżna u tieqaf titqies biss bħala passatemp. Jidher li l-iskejjel tal-arti ħa jkunu qed jiftħu fl-10 ta' Mejju, ħafna aktar wara l-ftuħ tal-iskejjel akkademiċi, dan juri biċ-ċar li l-arti mhux stmata kemm suppost fil-pajjiż. 

Jeremy jżid, "Aħna lkoll nimmissjawha, nimmissjaw iż-żfin elaborat b'moviment grazzjuż, is-sinfoniji melodjużi tal-orkestra, il-vuċijiet qawwija tal-kantanti u l-monologi tal-atturi rrepetuti tajjeb. Aħna nimmissjaw lilna nfusna. Kulma għandna bżonn huwa pjan ... għall-mijiet ta' atturi mdejqin id-dar, għall-mijiet ta' artisti li bilkemm qed jgħaddu." 

Jeremy jagħlaq bil-kliem, "Din mhix sejħa għall-għajnuna. Din hija sejħa għall-arti." 


Emil Calleja Bayliss