Tkellimna ma' Kain Galea, stilista li jispeċjalizza fil-qtugħ tax-xagħar, li tana iktar informazzjoni fuq wieħed x’jista jistenna li jara invoga fix-xhur li ġejjin. Hekk kif inħarsu 'l quddiem lejn l-2025, it-tendenzi tax-xagħar qed ixeqilbu lejn in-natural. Hawnhekk nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn l-iktar stili li se jkun qed jagħmlu ħoss fix-xhur li ġejjin.
Stil Bla Wisq Sforz
L-istil mingħajr wisq sforz, se jkun l-istil l-aktar li ħafna se jmorru għalih. Soft waves li jidhru naturali, b’saħħithom u sbieħ, se jkun stil ewlieni u popolari. Dan l-istil jintlaħaq billi wieħed jimxi mal-moviment naturali tax-xagħar u jħallih liberu.

Xagħar Twil
Għal min għandu xagħar ta' tul medju għal twil, dan il-format b'diversi layers se jibqa' popolari. Dawn il-layers jagħtu iktar moviment, u jippermettu l-waves u n-nokkli jidhru naturali.
Għal tipi ta’ xagħar iktar fin, huwa l-aħjar li wieħed jevita l-layers fil-parti ta’ wara biex jinżamm il-piż u x-xagħar jidher aktar b’saħħtu. Minflok, tista’ tagħżel l-istil tal-curtain bangs biex iżżid il-moviment u tagħti aktar forma. Dawn kapaċi jiftħu aktar il-wiċċ u jenfasizzaw il-karatteristiċi ta' dak li jkun.
Alternattiva oħra stylish hi li żżid layers minn quddiem. Din it-teknika toħloq forma aktar miftuħa madwar il-wiċċ u l-għonq.

Formati Qosra
Il-bobs jibqgħu klassiċi u qatt ma joħorġu mill-moda. Agħżel bobs b’linji dritti u layers interni biex toħloq outline b'saħħtu iżda li jidher soft u textured fuq ġewwa. Curtain bangs jistgħu jikkumplimentaw ċerti tul tajjeb ħafna.
Jekk se tagħmel l-bob tiegħek b’waves ħfief u ferq minn naħa waħda tajjeb li ddaħħal in-naħa t’isfel wara l-widna, u ħalli n-naħa ta’ fuq libera b’mod naturali għal dehra eleganti u chic. Bob qasir u eleganti huwa dejjem għażla sigura.

Xagħar Nokkli
Għal dawk b’xagħar nokkli, is-suċċess jinsab li timxi ma' dak li hu naturali. Żid layers qosra minn quddiem u dawwar il-forma għal waħda iktar tonda bi frenza. Dan jgħin biex in-nokkli jinfetħu u jagħtu volum u forma sabiħa.

B’kollox, it-tendenzi tax-xagħar tal-2025 qed ifakkru fil-valur tal-ġmiel naturali, b’tekniki ta’ qtugħ u stili li jsaħħu l-karatteristiċi individwali. Kemm jekk tagħżel waves twal u ħieles jew bob eleganti, l-enfasi hi fuq dehra naturali bla sforz.

Tendenzi ta’ Stil Qasir għall-2025
Il-Qata' Bixie
Waħda mill-qatgħat qosra li mistennija tkun favorita fl-2025 hija l-bixie cut. Din il-qata' xagħar hija taħlita bejn pixie cut u bob, li toffri dehra moderna u friska.
- Parti ta’ taħt (l-għonq): Xagħar maqtugħ qasir ħafna biex toħloq dehra nadifa u sofistikata.
- Kuruna tar-ras: Tul jiżdied hekk kif wieħed jitla’ lejn il-kuruna, biex jiżdied il-volum u l-għoli.
- Layers ta’ fuq: Parti ta’ fuq maqtugħa b’layers għal dehra ħafifa u pulita.
- Il-ġnub: Iżommu ftit tul fil-ġnub iżda b’layers għal dehra dinamika, li tidher l-aħjar b'waves jew inkella dehra textured.
Il-bixie hija perfetta għal min irid stil edgy u modern iżda li jixtieq iżomm il-femminilità u l-versatilità.

Il-Crop Klassiku
Għażla oħra eleganti u qatt ma toħroġ mill-moda hija l-crop cut. Din il-qatgħa sempliċi iżda sofistikata hija apprezzata għall-faċilità tagħha u l-istil nadif.
- Nadif u Eleganti: Il-crop hu magħruf għad-dehra tiegħu li dejjem tidher pulita u bi stil interessanti.
- Versatilità: Jista’ jkun b'żewġ modi, bil-ferq għal dehra sofistikata jew textured għal dehra iktar naturali.
- Tul: Normalment jinżamm qasir ħafna biex il-fokus jibqa’ fuq il-wiċċ u l-karatteristiċi tiegħu.

Fl-2025, kemm il-bixie kif ukoll il-crop se jkunu għażliet popolari għal dawk li qed ifittxu stil frisk, modern u b’karattru. Dawn l-istili joffru taħlita ta’ eleganza, faċilità u personalità — ideali għal min jixtieq jagħmel statement b’dehra ġdida.
Artiklu mwassal lilkom minn Kain Galea.