Nhar il-Ġimgħa li għadda fuq il-paġna ta' NET Television ħareġ filmat li jindika li l-Konkors Kanzunetta Indipendenza ħa jkun qed jagħmel ir-ritorn tiegħu din is-sena. Għadhom kemm ħabbru anke l-applikazzjoni uffiċjali flimkien mar-regoli li jinsabu fiha stess.

Il‐Konkors Kanzunetta Indipendenza 2023 qed ikun organizzat minn Net Media u hu miftuħ għal dawk il-kantanti li l-età tagħhom hija  minn 16-il sena  ’l fuq u li jkunu  magħluqa  sal-jum tal-finali (il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru 2023).

Is-serata finali bl-20 kanzunetta finalista ssir il-Ġimgħa 22 ta’ Settembru fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta. F’każ ta’ maltemp  jew sitwazzjoni li l-organizzaturi ma jkollomx kontroll fuqha, is-serata ssir l-għada s-Sibt 23 ta’ Settembru fl-istess post. Jekk fil-jumejn imsemmija jibqa’ jippersisti l-maltemp, is-serata finali ssir f’post alternattiv fi żmien 14-il ġurnata. Is-serata finali se tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjon Net Television.

Il‐kompożituri u l-awturi jagħżlu huma stess il‐kantanti biex jinterpretaw il-kanzunetti tagħhom. Kull kompożitur u awtur jista’ jissottometti aktar minn kanzunetta waħda. Kull artist ma jistax jinterpreta aktar minn kanzunetta waħda fis-serata finali.

F’każ li kantant ikun abbinat ma’ aktar minn żewġ kanzunetti li jkunu għaddew għas-serata finali, awtomatikament tiġi magħżula l-kanzunetta bl-ogħla punteġġ. Il-kompożitur u l-awtur jingħataw l-opportunità li jagħżlu kantant jew kantanta oħra jew li jirtiraw it-tieni kanzunetta tal-istess kantant. Ifakkru wkoll li ma jistax ikun hemm aktar minn sitt (6) persuni b’kollox fuq il-palk inkluż il-kantant/a/i prinċipali waqt is-serata finali.

Importanti li l-kanzunetti jridu jkunu bejn tliet minuti (3.00.00) u tliet minuti u ħamsa u erbgħin (3.45.00) kull waħda.

Il-kanzunetta rebbieħa terġa’ tiġi interpretata fl-aħħar tas-serata finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2023 u /jew f’attivitajiet oħra hekk kif deċiż mill-kumitat organizzattiv sal-aħħar ta’ Settembru 2024. 

Din is-sena l-kanzunetti finalisti se jiġu interpretati LIVE (half playback) quddiem ġurija li se jkollha 50% tal-voti bil-50% l-oħra jiġu deċiżi permezz ta’ televoting biex ikunu determinati r-rebbieħa fl-ewwel, it-tieni u t-tielet post. 

Il-kanzunetta rebbieħa fl‐ewwel (1) post ser tingħata €3,000 flimkien ma’ trofew, dik fit‐tieni (2) post tirċievi €1,500 flimkien ma’ trofew u tat‐tielet (3) post se jkollha €500 flimkien ma’ trofew.

Jingħata wkoll trofew lill‐kantant/a tal‐kanzunetta li tirċievi l‐akbar ammont ta’ voti miksuba permezz tat‐televoting.  F’każ li żewġ kanzunetti jkollhom l-istess ammont ta’ voti, f’kull fażi tal-kompetizzjoni jiddetermina l-vot tal-ġurija min l-aktar kiseb 12-il punt.

Agħfas HAWN jekk tixtieq tapplika u taqra aktar fid-dettall ir-regolamenti.



Kyle Zarb