L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità joffru firxa ta’ servizzi li huma mmirati biex iħeġġu l-anzjani jibqgħu attivi mentalment, fiżikament u soċjalment. Is-servizzi tagħhom jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva.

Fost dawn is-servizzi hemm iċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva li huma mifruxin ma’ Malta kollha. Dawn iċ-ċentri jospitaw numru ta’ anzjani membri li jiġu hemm primarjament għall-kumpanija, kif ukoll għall-attivitajiet varji li jsiru ta’ kuljum, bħal ħarġiet kulturali, sessjonijiet ta’ Yoga u Tai-Chi, Line Dancing u diversi attivitajiet oħra.

Is-sena li għaddiet nedew kunċett ġdid għal dawn iċ-ċentri fejn bdew iħeġġu l-impjegati tagħhom sabiex ifasslu u jwettqu programm varjat ta’ attivitajiet biex jolqtu l-interessi varji tal-membri, kif ukoll jippromovu iżjed il-kunċett ta’ anzjanità attiva.

Biex jilħqu dan il-għan, organizzaw taħriġ għall-impjegati tagħhom sabiex wieħed jieħu idea tat-tip ta’ attivitajiet li hu mistenni li jkun hemm fiċ-ċentri għall-anzjanità attiva. Għalhekk issa fiċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva qed jiġu organizzati mixjiet kulturali u trekking fil-kampanja, sessjonijiet ta’ tisjir, crafts, diskussjonijiet, kif ukoll numru ta’ proġetti u inizjattivi bil-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra.

F’uħud miċ-ċentri jsiru wkoll sessjonijiet ta’ qari onlajn b’kollaborazzjoni mal-Malta Libraries. Dan l-aħħar bdew ukoll kollaborazzjoni ma’ Puttinu, fejn numru ta’ anzjani qed jagħmlu dekorazzjonijiet għas-swali tat-tfal, kif ukoll rigali magħmulin bl-idejn biex jitqassmu lit-tfal li bħalissa qed jirċievu l-kura ġewwa l-isptar Sir Anthony Mamo.

Il-ħsieb tagħhom huwa li jkomplu jaħdmu ma’ entitajiet diversi biex l-anzjani jkomplu jħaddmu t-talenti tagħhom kemm għalihom infushom u għas-sodisfazzjoni personali tagħhom, kif ukoll għal ġid tal-komunità.

Dawn l-attivitajiet se jkunu qed jiġu estiżi wkoll ġewwa d-djar tal-anzjani. Fix-xhur li ġejjin se jimpjegaw numru ta’ Activity Coordinators biex jagħmlu attivitajiet mal-anzjani ġewwa d-djar residenzjali. Ser jibdew proġett immirat lejn anzjani rġiel sabiex iħeġġu iktar irġiel jattendu. Dan il-proġett huwa bbażat fuq studju li sar mal-irġiel biex l-interessi tagħhom ikunu milħuqa.

Bdew inizjattiva interġenerazzjonali mal-iskejjel tal-Primarja fejn il-minjiera ta’ esperjenzi u tagħrif dwar il-ħajja tal-imgħoddi mill-anzjani jgħaddu għat-tfal tal-iskola. Għal dan il-għan, għaddejja kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Istudji Soċjali fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, u qed joffru anke sessjonijiet onlajn.

Huwa sabiħ meta wieħed jara l-anzjani u t-tfal jiddjalogaw u jitgħallmu mingħand xulxin, kif ukoll meta wieħed jara li l-esperjenzi, drawwiet u tifkiriet dwar kif kienet il-ħajja f’Malta fl-imgħoddi jiġu trażmessi lill-ġenerazzjonijiet futuri. Hekk jiġu preżervati dawn ir-rakkonti validi li jagħmlu parti mill-kultura rikka tagħna l-Maltin. B’hekk l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ħa jkomplu jaħdmu biex dan il-qasam jissaħħaħ.

Iċ-ċentri joffru wens għall-anzjani, imma jipprovdu wkoll post fejn wieħed jibqa’ jitgħallem u jħaddem l-abbiltajiet tiegħu. Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni attiva tal-anzjani dejjem hi mħeġġa u l-koordinaturi taċ-Ċentri jieħdu gost meta l-istess anzjani joħorġu b’ideat u b’inizjattivi, u jkunu huma stess li jagħmlu attivitajiet għall-anzjani l-oħra.

It-tim wara l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jaħdmu mill-qrib mal-kunsilli lokali għaliex jemmnu li dawn għandhom rwol u sehem importanti fis-servizzi li jingħataw. Iċ-ċentri tagħhom isiru qishom komunità fejn l-anzjani jsibu familja oħra.

Huma jistqarru magħna li ġieli ltaqgħu ma’ anzjani li kellhom bżonn l-għajnuna minħabba ċirkustanzi varji. Meta jiġri dan, il-ħaddiema tagħhom jirreferru l-każ lis-Social Workers tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, u dawn jinvestigaw il-każ u jipprovdu l-għajnuna li jkun hemm bżonn.

Huma jaħdmu biex jikkumbattu s-solitudni fost l-anzjani. Il-ħidma tagħhom hija mmirata wkoll biex jonqsu l-preġudizzji u l-isterjotipi marbutin ma’ din il-faxxa tas-soċjetà bl-għan li jingħata valur lill-esperjenzi tal-anjani u ħajjithom tkun iżjed attiva u interessanti.

Ir-riċerka turi li meta bniedem ikun attiv mentalment, fiżikament u soċjalment, wieħed ikun qed jipprevjeni mhux biss mard mentali imma wkoll għadd ta’ kumplikazzjonijiet marbutin max-xjuħija. B’hekk importanti li jekk għandek xi anzjani fil-familja tħeġġiġhom jingħaqdu f’dawn iċ-ċentri.

Għal dawk li jixtiequ iżjed informazzjoni, inħeġġukom iżżuru s-sit elettroniku HAWN. Nistidnukom iżżuru wkoll il-paġna tagħhom HAWN biex issegwu mill-qrib dak kollu li jkun għaddej min-naħa tal-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva.


Emil Calleja Bayliss