Johan Mifsud forsi mhux xi wiċċ li mdorrijin taraw, ġeneralment hu l-persuna wara l-kamera jiġbed xi ritratt imma hu wkoll ħabib kbir ta' Gaia Cauchi u Kevin Paul. F'post fuq il-midja soċjali li ġibdet l-attenzjoni ta' bost, Johan tkellem fuq l-ansjetà soċjali!
Hu jgħid li din mhux għażla, wieħed għandu jitkellem u ma jistħix. In-nies tajjeb li jkunu jafu x'inhu għaddej, fl-aħħar mill-aħħar kulħadd għandu l-problemi tiegħu u ħadd mhu perfett! Messaġġ imqanqal u b'saħħtu.
Hu jgħid li hemm diversi fatturi li għandhom x'jaqsmu ma' dan ir-rigward, imma hemm sitwazzjonijiet komuni li wieħed li jbati b'din l-ansjetà kapaċi jesperjenza inkluż: titkellem ma' nies li ma tafx, titkellem fil-pubbliku, toħroġ ma' xi ħadd biex tibni relazzjoni.
Johan ikompli billi jsemmi wkoll: tħares f'għajnejn dak li jkun meta qed tikkomunika miegħu, tmur festini, tmur ix-xogħol jew l-iskola u anke sempliċiment tibda konversazzjoni sempliċi inkluż ma' xi ħadd li taf!
Ritratt: Instagram / Johan Mifsud
Dawn l-affarijiet ma jaffettwawx biss liż-żagħżagħ imma nies ta' kull età u l-għan ta' Johan hu li jqajjem kuxjenza fuq dan is-suġġett, bogħod minn ħafna kliem bombastiku u jixtieq iqajjem għarfien sabiex dak li jkun ma jiddejaqx jitkellem u jfittex l-għajnuna meħtieġa sabiex jegħleb dawn l-isfidi.
Kultant ikollna bżonn nisimgħu fuq suġġetti bħal dawn u ma nqisuhomx tabù, għax fil-verità hemm soluzzjoni għalihom u jitqiesu bħal kundizzjonijiet oħra. Il-problema hi meta wieħed ma jdurx għal għajnuna li jkollu bżonn!