Hekk kif ikun riesaq is-sajf, il-kampjonati tal-futbol lokali u internazzjonali jibdew resqin lejn it-tmien tagħhom u l-ammiraturi tat-timijiet il-kbar kollha jibdew jittamaw li jaraw lit-tim tagħhom fil-final ta’ xi kampjonat importanti.
Din is-sena l-ammiraturi ta’ Chelsea u Arsenal u d-dilettanti tal-futbol se jitpaxxew b’taqtiegħa bejn żewġt timijiet Ingliżi għal min se jkun dak li jerfa’ t-tazza tal-Europa League ġewwa l-grawnd ta’ Baku.
Din il-logħoba se titnaqqax fl-istorja tal-Europa League bħala t-tieni finali bejn żewġt timijiet Ingliżi hekk kif l-ewwel waħda kienet dik bejn Tottenham u Wolves lura fl-1972.
Gwida.mt tkellem maż-żewġt supporters clubs Maltin ta’ dawn it-timijiet li magħna esprimew x’għandhom preparat għall-membri tagħhom li se jingħaqdu magħhom biex jaraw din il-logħba.
Rapreżentant tas-supporters club ta’ Chelsea li jinsab il-Mosta, żvela ma’ dan is-sit li jinsabu għaddejin b’preparamenti b’saħħithom ħafna hekk kif anke għandhom mistieden ġurnalist sportiv li se jmexxi diskussjoni li permezz tagħha se jiġi evalwat l-istaġun li għadda. Hu żvela wkoll li permezz ta’ lotterija li se tiġi organizzata, dawk preżenti se jidħlu fiċ-ċans li jirbħu flokk iffirmat mill-plejers.
Minn naħa l-oħra, Gwida.mt tkellem ukoll ma’ rapreżentant tas-supporters club tal-Arsenal li jinsab St.Venera. Dan stqarr ma’ dan is-sit li anke huma jinsabu għaddejin bi preparamenti kbar u żvela li se jkunu qed iżejnu l-klabb tagħhom bi bnadar uffiċjali mibgħuta Malta mill-amministrazzjoni tat-tim.
Meta mistoqsija dwar l-attendenza ta’ Maltin fil-grawnd, iż-żewġt rapreżentanti stqarru li l-attendenza hi minima hekk kif Baku hu post li hu diffiċli biex jintlaħaq kemm minħabba l-loġistika tat-titjiriet u anke minħabba l-ispejjeż li dawn iġibu magħhom. Ir-rapreżentant tal-klabb ta’ Chelsea f’pajjiżna stqarr li din hi turija li l-UEFA ma jimpurtahiex mis-supporters bir-rapreżentant tal-Arsenal isejjaħ id-deċiżjoni tal-UEFA li l-logħba ssir f’Baku bħala waħda redikola.
Bla dubju ta’ xejn, iż-żewġt rapreżentanti stqarru magħna li jemmnu li t-tim tagħhom għandu l-kapaċitá li jiġi nkurunat bħala rebbieħ iżda bl-aktar mod skjett, ir-rapreżentant tal-Arsenal stqarr li t-tim tiegħu se jidħol għal din il-logħba bħala l-underdog hekk kif Chelsea kienu iżjed il-fuq fil-klassifika.
Int min taħseb li se jirbaħ?
Ritratti: @arsenal / @chelseafc