X Factor Malta fuq il-mezzi soċjali ħabbru li llum hu l-aħħar jum ta’ ġbid ġewwa Esplora Interactive Science Centre imma ma jfissirx li dan huwa l-aħħar jum tal-ġbid! Il-ġurija qed jaraw numru ta’ parteċipanti u mill-ftit li wieħed jista’ jara fuq il-mezzi soċjali ta’ X Factor, għandna nistennew programm mill-aqwa, b’xenarji mill-isbaħ ta’ Malta.

Insomma, kull min segwa l-ewwel staġun, jaf x’kalibru ta’ produzzjoni kienet u wieħed jistenna li din is-sena l-livell ikun aħjar minn dak li diġà rajna. Il-ġurija qalu li mhux ħa jżommu lura... u milli smajna aħna dan hu minnu però jkollna nistennew sa Ottubru biex niskopru x’qed jingħad eżatt minn Howard, Ira, Alex u Ray.

Milli jidher għalkemm illum hu l-aħħar jum ta’ ġbid ġewwa l-Kalkara, mhux l-aħħar jum ta’ ġbid tal-ewwel fażi. Ngħiduha kif inhi, is-sena l-oħra damu għaddejin bil-ġbid ta’ din il-fażi aktar minn erba’ t’ijiem, imma smajna l-kelma ddur li din il-fażi ħa toħodna proprju fil-gżira tat-tlett għoljiet, il-gżira fejn tgħix Michela.

Għadu xejn ma ġie ikkonfermat, imma ngħiduha kif inhi jkun bix-xieraq li t-tim ta’ X Factor Malta jagħmel tal-inqas ġurnata jfittex it-talent f’din il-gżira wkoll. Fl-aħħar mill-aħħar, l-ewwel rebbieħa ta’ dan il-programm ħarġet minn Għawdex. Jekk dan hu minnu, ikun sabiħ forsi Michela tmur tħeġġeġ naqra lil parteċipanti Għawdxin.

Nistennew u naraw... ċertament li fil-ġranet li ġejjin ħa niskopru aktar. Minn hawn nawguraw lil dawk kollha li applikaw, lil dawk li l-avventura tagħhom kompliet u lil dawk li forsi l-avventura diġà waqfet nawgurawlhom jibqgħu jaħdmu aktar.

Facebook / X Factor Malta


Gwida.mt