It-tim ta' Gwida.mt tkellem ma' waħda mill-atturi u preżentaturi favoriti mas-segwaċi tagħna, Christine Haber. Christine tkellmet dwar kemm jibdew jippreparaw għall-festi tal-Milied minn kmieni fil-familja tagħha. Niskopru wkoll dwar memorji sbieħ li għandha tal-Milied mill-passat.

Kieku kellek issemmi l-isbaħ Milied ta’ ħajtek, liema jkun? Għaliex?

Diffiċli nagħżel Milied wieħed biss. Kull Milied li jirnexxieli nqatta’ mal-familja huwa l-aqwa wieħed.

Xi jdaħħlek l-iktar fl-ispirtu tal-Milied?

Naħseb li nidħol fl-ispirtu tal-Milied meta nibdew inżejnu d-dar u dan nagħmluh kmieni għax inħobbu ngawduh kemm jista’ jkun.

L-isbaħ memorja mit-tfulija li għandek għal żmien il-Milied?

Naħseb meta l-Mamà u l-Papà ħaduni fuq btala b’sorpriża.

Liema kanzunetta tal-Milied tiddeskrivik l-iktar, u għaliex?

The Christmas Song għax tiddeskrivi eżatt l-atmosfera li tant nistenna u li fil-verità jkollna fil-Milied.

Qatt ġratlek s’issa li rċevejt rigal u m’għoġbokx? X’għamilt jew x’tagħmel kieku?

Il-ħsieb l-iktar importanti. Impossibbli li kull rigal ikun jolqot il-gosti tiegħek bl-eżatt. Imma napprezza li dak li jkun għamel ġest sabiħ u ħaseb fija.

L-isbaħ rigal jew l-iktar ħaġa importanti li Christine qatt jista' jkollha għall-Milied?

Naħseb li ħa nirrepeti ruħi, imma iktar ma nikber iktar nirealizza li l-affarijiet materjali m’huma xejn għaliex kollox imur u jigi... l-iktar ħaġa prezzjuża u importanti għalija hi li l-familja tiegħi tkun magħquda u f’saħħitha.

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek?

Nieħdu ħsieb xulxin! Bl-inqas azzjoni jew kelma tista’ jew tkissru jew itellgħu l-ġenna bniedem.

Grazzi kbira lil Christine tal-ħin tagħha għal din l-intervista. Minn qalbna nawguraw lilha u lill-familja kollha l-isbaħ xewqat!


Kyle Zarb