Bħal leħħa ta' berqa, għaddew 14-il ġimgħa mimlija emozzjonijiet u spettaklu ta’ livell mill-aqwa u issa, is-serje tant maħbuba Brillanti Singers waslet għall-aħħar semifinali tagħha. Illejla, it-tmien semifinalisti li għadhom fil-kompetizzjoni se jħabbtu wiċċhom mal-aħħar sfida tagħhom f’dan il-vjaġġ mużikali qabel il-Finali tant mistennija.
Wara dan l-episodju, se jkun magħruf min se jkunu l-ħames żgħażagħ li se jkomplu għall-Finali li ser tittella’ fis-28 ta’ Mejju ġewwa wieħed mill-ġojjelli kulturali ta’ Malta – it-Teatru Manoel fil-Belt Valletta. Din se tkun serata storika, b’ambjent mill-aktar prestiġjuż biex jagħti ġieħ lit-talent mużikali Malti.
It-tmien semifinalisti – Dawn, Ethan, Kaya, Gianluca, Mariah, Joe Romano, Mireille u Maxine – f’dawn l-aħħar ġimgħat affrontaw sfidi diffiċli u ħafna emozzjonijiet. Issa, jinsabu fuq l-għatba tal-Finali, u se jagħtu l-aħjar tagħhom biex jimpressjonaw lill-ġurija fl-aħħar sfida kruċjali.
Il-ġurija, li għal din is-semifinali ser tkun kompluta, hekk kif mill-ġdid se terġa’ tinkludi l-kantanta Taljana popolari Verdiana li se tingħaqad ma’ Nate Morrison, Sarah Harrison u Gretta Manuzi. Fl-aħħar test tagħhom, il-kontestanti għandhom jippreżentaw arranġament mużikali oriġinali u kreattiv li jgħaqqad numru ta’ kanzunetti – prova li teħtieġ mhux biss talent iżda wkoll viżjoni artistika u ħila teknika.
Il-pubbliku għandu jistenna spettaklu ta’ emozzjoni kbira u sorpriżi bla qjies. Min se jispikka u min se jgħaddi għall-finali prestiġjuża?