Aħna ta' Gwida.mt, kellna ċ-ċans li nistaqsu xi mistoqsijiet varji lis-semi-finalisti ta' Mużika Mużika li se jsir f'Marzu li ġej. Il-Milied żmien ta' għaqda u ġabra u jġib lil kulħadd flimkien, iżda dejjem ikollok min ma jkunx daqstant fanatiku tal-Milied, min ikollu xi tradizzjoni li jagħmel kull sena, min jistieden lil xi ħadd partikolari kieku jkollu ċ-ċans u kurżitajiet oħra. Araw x'wieġbu dawn il-parteċipanti għall-mistoqsijiet li t-tim tagħna ħejja proprju għalihom.

Ritratt: Kurt Mizzi

Meta staqsejna lil Cherylis dwar lil min tistieden kieku qaltilna, "Nammetti magħkom li żmien il-Milied u L-Ewwel tas-Sena mhux daqstant għal qalbi għas-sempliċi raġuni li wħud mill-għeżież tiegħi, illum il-ġurnata m’għadhomx magħna u n-nuqqas tagħhom jinħass ferm aktar meta l-familja tinġabar kollha flimkien."

Hi kompliet iżżid, "Però tajjeb ngħid ukoll li jiena grata li l-Milied dejjem kelli ċ-ċans li nqattgħu mal-ġenituri tiegħi, żewġ pilastri li Allaħares ma kienux huma għalija. Nixtieq nawgura lilkom il-qarrejja ta’ Gwida.mt, l-isbaħ xewqat."

Ritratt: Kurt Mizzi

Kurt Calleja mill-banda l-oħra staqsejnieh jekk hemm xi film partikolari li jħobb jara proprju f'dawn il-festi. Iżda jidher li kif jixgħal xi film, Kurt tmur għajnu bih u ma jara xejn minnu. Hu jgħidilna, "M'għandix materjal interessanti wisq għax m'għandix dat-tip ta' tradizzjonijiet għaż-żmien tal-festi. Kif nixgħel film sirt norqod mill-ewwel."

Iżda Kurt jiżvela magħna, "Daż-żminijiet għalija jfissru xogħol (li nħobb u nagħmel mill-qalb) u allura l-ftit ħin li jifdal ikun ħin ta' kwalità mal-għeżież tiegħi- nitkellmu, niċċajtaw, nsajru, nitolbu, ndoqqu l-mużika, nilagħbu board games eċċ. Dawn huma t-tradizzjonijiet li jien u l-familja tiegħi nipprattikaw - mhux fi żmien il-Milied biss - imma s-sena kollha."

Ritratt: Kurt Mizzi

Mill-banda l-oħra, Norbert Bondin għandu film li jħobb isegwi u probabbli ħafna Maltin u Għawdxin ikollhom l-istess risposta ta' Norbert. Hu jistqarr, "Il-films tal-Milied jgħinuni nidħol fl-atmosfera iktar. L- iktar film li jogħġobni tal-Milied huwa Home Alone. Meta nara dal-film inħoss nostalġija kbira u memorji sbieħ ta' meta konna għadna żgħar, il-familja kollha naraw dal-film miġburin kollha flimkien."

Naħseb Norbert għażel film li ħafna u ħafna Maltin jieħdu gost isegwu f'dawn iż-żminijiet. Qisu parti mill-kultura Maltija li wħud mill-familji jintefgħu jaraw Home Alone u jaffaxxinaw ruħhom bl-istorja li lkoll jafu kif tispiċċa. Film li jmur tajjeb kemm mat-tfal u anke mal-kbar, b'xi daħka tajba ma tonqosx anqas.

Ritratt: Kurt Mizzi

Lil Victoria Sciberras, staqsejnieha dwar it-tiżjin tad-dar. Naħseb it-tiżjin jinqasam f'żewġ estremi dawk li jħobbu jżejnu ħafna u dawk li t-tiżjin mhux daqstant importanti għalihom. Victoria tgħid, "Nistqarr magħkom jiena m’iniex persuna li nħobb inżejjen ħafna. Issoltu meta nżejnu d-dar ikun bejn wieħed u ieħor fit-tieni ġimgħa ta’ Diċembru."

Hi tkompli tispjegalna, "Meta nżejnu naturalment nagħmlu s-siġra tal-Milied u kif ukoll ma jonqosx il-Bambin u xi ftit tiżjin madwar id-dar ukoll. Kif għedt diġà qabel, m’iniex xi persuna li nħobb inżejjen ħafna allura ftit li xejn issib affarijiet relatati mat-tiżjin tal-Milied ġewwa d-dar tiegħi."

Ritratt: Kurt Mizzi

Il-membri ta' Kantera kollha jħobbu l-Milied! Huma jgħidulna, "Aħna tista’ tgħid li kull sena inkunu qegħdin nistennewh dan iż-żmien tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Anke meta jkollna impenji mużikali, xorta nagħmlu mezz biex f'dan iż-żmien insibu xi ftit ħin ta’ rilassament flimkien u anke mal-familji tagħna fi spirtu ferrieħi."

Huma jkomplu jispjegawlna li, "Xi rakkont taż-żminijiet ta’ meta konna iżgħar u l-kultura tagħna l-Maltin f’dan iż-żmien tal-Milied ma tonqosx." Il-Milied m'għadux bħal ma kien fil-passat u ċerti memorji sabiħ immens li nfakkruhom għax b'hekk inżommuhom ħajja għall-ġenerazzjonijiet li ġejjien.

Hayley Azzopardi, ir-rebbieħa tal-Vjaġġ Ikompli, staqsejnieha dwar ir-rigal u jekk ikollhiex eċitament sabiex tiftaħ ir-rigali li taqla' qabel u f'jum il-Milied. Hi tistqarr magħna, "Jien persuna kurjuża ħafna iżda nistenna sal-ġurnata tal-Millied sakemm niftaħ ir-rigal. Wieħed mir-rigali li nibqa’ niftakar li rċivejt kien mingħand il-ġenituri u kienu tawni n-Nintendo."

Ħafna jistqarru li kurjużi iżda ftit huma paċenzjużi u jagħmlu bħal Hayley li jistennew proprju sal-Milied sabiex ikunu jafu x'hemm imgeżwer mar-rigali! Ngħiduha kif inhi, billi tittawwal ftit mhux ħa tkun waqgħet id-dinja mhux hekk!?

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta. 


Gwida.mt