Il-Kap Eżekuttiv ta’ Twitter Jack Dorsey qal lill-impjegati tiegħu permezz ta' email aktar kmieni din il-ġimgħa, li se jitħallew jaħdmu mid-dar b’mod indefinit, anke wara li t-tmiem tal-għeluq Covid-19.

Dorsey qal ukoll li l-uffiċċji ta' Twitter mhux ħa jinfetħu qabel Settembru. Hu talab lill-impjegati biex jibdew jaħdmu mid-dar f'Marzu, iżda din l-offerta ma tapplikax għal dawk li huma inkarigati minn ċertu xogħolijiet bħal manutenzjoni tas-server eċċ...

Rappreżentant ta' Twitter qal lil Business Insider li d-deċiżjoni kienet imqabbla mal-missjoni tal-kumpanija li tappoġġja lill-impjegati li jaħdmu minn kullimkien, u żied li "l-aħħar ftit xhur wrew li nistgħu naħdmu hekk."

"Il-ftuħ tal-uffiċċji se jkun deċiżjoni tagħna, meta u jekk l-impjegati tagħna jiġu lura, id-deċiżjoni se tkun tagħhom," ir-rappreżentant qal lil Business Insider. "Meta niddeċiedu li niftħu l-uffiċċji, dan ukoll mhux se jkun għall-mod kif kien qabel. Se nkunu attenti..."

Twitter se jkompli wkoll jissospendi l-ivvjaġġar fuq xogħol u ma jorganizza l-ebda avveniment għall-bqija tal-2020. Il-kumpanija mbagħad tevalwa x'ħa jkun qed jiġri fl-2021, aktar tard din is-sena.

Kumpaniji kbar oħrajn tat-teknoloġija ħabbru pjanijiet għal xogħol mid-dar, imma ftit jaslu fejn waslu Twitter. Google, Microsoft, Facebook, u Amazon qalu lill-impjegati kollha li jistgħu jibqgħu jaħdmu mid-dar sal-ħarifa, anke jekk l-uffiċċji tagħhom jerġgħu jiftħu.

Instagram / dorsey_photograph

Emil Calleja Bayliss