Trevor Zahra ma għandu bżonn ta' ebda introduzzjoni fix-xena lokali. Kittieb prolifiku li dejjem ipaxxina bil-kotba mill-aqwa tiegħu. Hu tkellem mal-paġna lokali The People of Malta fejn tkellem u fisser x'inhu l-ktieb għalih u kif kittieb għandu bżonn li jkun ukoll qarrej.

Trevor ma' The People of Malta jgħid, "Il-gost li jagħtini ktieb tajjeb ma nsibu mkien ieħor. Qabel kollox, ktieb irid jagħtina pjaċir...il-frott l-ieħor jiġi waħdu bla ma nindunaw!" Hu jħobb jaqra l-letteratura, rumanzi u novelli. "Kulma taqra, jidħol ġo fik u jsir parti minnek. L-ebda kittieb ma jista' jkun tassew kittieb jekk ma jkunx ukoll qarrej. Minn dejjem naqra. Meta kelli 11-il sena, ma kienx hawn kotba għat-tfal bil-Malti, ħlief tal-iskola u kont nispiċċa naqra kotba tal-kbar."

Hu jżid, "'The Treasure Hunters' ta' Enid Blyton fetaħli t-tieqa biex nibda naqra bl-Ingliż. Fl-1957/58, kotba bil-Malti kulma kien hawn kienet is-sensiela 'Ġabra ta' Ward', li kienu kotba tal-iskola. Ta' 12-il sena diġa' kelli x-xewqa li nikteb kotba tat-tfal. 'Il-Pulena tad-Deheb' kien l-ewwel ktieb li ktibt. L-ispejjeż tal-pubblikazzjoni ħriġthom kollha minn buti. Ktibtu fl-1968 u ħriġtu fl-1971."

Trevor jgħid, "Fl-istess ħin li ktibt kotba għat-tfal, kont nikteb kotba għall-kbar. L-illustrazzjoni fil-ktieb hija importanti daqs il-kitba. Peress li kont inpinġi, dan kien ta' vantaġġ għalija fil-preparazzjoni tal-ktieb. Bħala kittieb, trid: (a) tkun dejjem kritiku tiegħek innifsek, (b) tagħti kas tal-kritika li jagħmillek ħaddieħor u (ċ) tibqa' dejjem tesperimenta."

Għandkom xi ktieb favori minn dawk kollha li ħareġ Trevor tul is-snin? Aħna ta' Gwida.mt ikollna nistqarru li għandna wieħed li lkoll niftakru sew, Il-Ħajja Sigrieta tan-Nanna Ġenoveffa. Tafu liema hu?


Gwida.mt