Aħna ta' Gwida.mt, kellna ċ-ċans li nidħattu mas-semifinalisti ta' Mużika Mużika ta' din is-sena dwar il-Milied, xi jfisser għalihom, x'jagħmlu f'dan iż-żmien u jekk iħobbux il-Milied. Id-dwal nibdew narawhom fit-toroq tagħna minn Novembru u matul dan ix-xahar ikun hemm min jibda jaħseb sabiex jarma d-dar tiegħu. Bil-mod il-mod nibdew ilkoll nidħlu fl-atmosfera tal-Milied u l-ispirtu tal-Milied jilħaq il-qofol tiegħu proprju lejn l-aħħar ta' Diċembru. Aħna tkellimna mal-kantanti sabiex niskopru ftit dwar x'jagħmlu f'dan iż-żmien. Araw x'kellhom xi jgħidulna.

 

Ritratt: Kurt Mizzi

Hawn ħafna li jarmaw għall-Milied imma jekk mhux persuna li tkun id-dar, tista' tgħid li l-armar għalxejn tagħmlu għax tispiċċa ma tgawdihx daqshekk. Claudia Faniello tgħidilna bl-aktar sinċerità, "Jien ma nżejjinx tal-Milied, għax aħna dejjem xogħol allura ma tantx ingawduh id-dar daż-żmien. Il-Covid jekk m'għamlet xejn tajjeb, irnexxielha tgħaqqadna għax is-sena l-oħra konna nintefgħu d-dar għand ommi nilagħbu t-tombla."

Minħabba n-nuqqas ta' xogħol li kellhom diversi artisti lokali, il-familja Faniello rnexxielha tingħaqad aktar fi żmien il-Milied. Is-sena li għaddiet żgur kien Milied li mhux ħa jinsew għax kellhom iċ-ċans li jgħaddu aktar ħin fil-kumpanija ta' xulxin. Il-Milied għalhekk qiegħed fl-aħħar mill-aħħar biex jgħaqqad lill-familji flimkien. 

Ritratt: Kurt Mizzi

Lil membri ta' Avenue Sky staqsejniehom jekk hemmx xi ħadd li forsi jħobb żmien il-Milied aktar mill-oħrajn. Huma jistqarru magħna, "Kull membru tal-grupp iħobb ħafna ż-żmien tal-Milied għax dan huwa żmien li jgħaqqad il-familji u l-ħbieb. Wieħed mill-membri tagħna, Karl, jagħlaq sninu f’dawn iż-żminijiet allura għalih daż-żmien dejjem kien aktar speċjali. Andy, Clive u Kevin, peress li jaħdmu fl-iskejjel, daż-żmien ifisser ukoll ħafna attivitajiet mal-istudenti, żmien impenjattiv imma wieħed mill-isbaħ tul is-sena skolastika kollha."

Kull għalliem jista' jirrelata ma' dak li qalu Andy, Clive u Kevin. L-istudenti jkollhom diversi attivitajiet tul dan iż-żmien u ċertament li dawn l-attivitajiet idaħħlu lil kulħadd aktar fl-ispirtu tal-Milied. L-għalliema u l-istudenti jkunu wkoll ħerqana għal ftit ġranet ta' mistieħ għalkemm kultant dawn il-ġranet ifissru wkoll ġranet ta' ħidma u preparazzjoni mid-dar. Dawk in-nies li bħal Karl jagħlqu żmienhom f'dan iż-żmien, bla ma jridu, dan iż-żmien ikun aktar speċjali għalihom għax barra ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, jiċċelebraw ukoll għeluq sninhom. Tliet ċelebrazzjonijiet kbar.  

Ritratt: Kurt Mizzi

Bloodline jgħixu dan iż-żmien flimkien mal-familjari tagħhom. Għalihom żmien ta' ġabra u għaqda. Huma jgħidulna, "Aħna, it-tnejn ta’ Bloodline dejjem nipprijoritizzaw lill-familja. B’hekk, it-tweġiba awtomatika li tiġi f’moħħna hija dik li dejjem niċċelebraw kemm il-ġurnata tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena mal-familjari. Il-mira tagħna dejjem hi ċelebrazzjoni sempliċi u intima."

Huma jżidu jgħidulna, "M’hemm xejn aqwa minn ikla mal-familjari fejn kulħadd jista’ japprezza l-kumpanija ta’ xulxin flimkien ma’ xi biċċa dundjan tajjeb fil-Milied, u biċċa laħam il-forn tajba għall-Ewwel tas-Sena u xi tazza nbid, biex imbagħad nagħmlu xalata bil-ħelu tal-Milied. Żmien sabiħ u ta’ għaqda biex imbagħad, wara kollox nibdew naħsbu fuq id-dieta biex nippruvaw innaqqsu li nkunu żidna!" Bloodline żgur li mhux weħidhom li wara l-festi jipprovaw jieħdu ħsieb li jnaqqsu dak li jkunu żiedu tul dan iż-żmien. 

Ritratt: Kurt Mizzi

Kelly Marie Cassar Hili għaddietilna filmat fejn kif jista' jara kulħadd hawn taħt, hi u l-familja tagħha jaħsbulu sew għall-Milied. Kelly tgħidilna li huma jibdew jarmaw tal-Milied kif jgħaddi x-xahar ta' Novembru. Minn hemm id-dar tagħhom donnha titrasforma ruħha, bil-kulur aħmar tal-Milied jispikka mad-dar kollha. Kelly fil-filmat li għaddietilna kellha wkoll messaġġ qasir għas-segwaċi tagħna ta' Gwida.mt u anke għall-parteċipanti sħabha. 

Ikollna nistqarru li aħna ftit fanatiċi li dwar id-djar armati u ħadna tassew gost bil-filmat ta' Kelly għax tatna togħma ta' kif proprju tarma d-dar tagħha. L-entużjażmu tagħha jidher ċar u ċertament li hawn ħafna bħalha li dan iż-żmien jimliehom b'tant enerġija u ferħ. Bħal donnu żmien il-Milied għandu s-seħer li jbiddel il-burdata ta' dak li jkun. 

Ritratt: Kurt Mizzi

Oxygyn, band komposta minn erba' membri, u b'hekk aħna ta' Gwida.mt iddeċidejna li naraw minn minnhom huwa l-aktar fanatiku tal-Milied u min minnhom hu l-inqas fanatiku ta' dawn iż-żminijiet. Kurt, jistqarr li hu l-iktar persuna fanatiku tal-Milied, ir-raġuni li jagħti hi li hu jħobb jiltaqa' ma' diversi persuni u dan iż-żmien hu proprju perfett għalhekk. Hu jieħu gost ukoll jagħti r-rigali.

Luke jistqarr li hu l-iżjed persuna li ma jħobbx il-Milied għax jarah bħala kedda, biex toqgħod taħseb x'rigali ħa tixtri eċċ... iżda fil-verità hu jħobb jiltaqa' man-nies, mal-familjari u ħbieb. Hu żmien ta' attivitajiet bħal dawn u l-interazzjoni umana kulħadd tista' tgħid li jieħu gost biha.

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Gwida.mt