Gwida.mt tkellmet ma’ Bernice u Wayne, koppja Maltija li ddeċidiet li tirriżenja mix-xogħol u tmur twettaq il-ħolma tagħha! Minn dejjem kellhom imħabba speċjali għas-safar, fil-fatt anke qabel ma bdew joħorġu flimkien, diġà kienu żaru diversi postijiet fl-Ewropa u anke fl-Asja stess. Però x-xewqa tagħhom minn dejjem kienet li jesploraw “xi postijiet u kulturi differenti ġo kontinent ieħor!”

Bernice u Wayne se jagħlqu tmien xhur fl-Asja u jistqarru li ma jafux “kif tar iż-żmien!” F’dawn it-tmien xhur żaru disa’ pajjiżi: il-Korea t’Isfel, il-Ġapan, iċ-Ċina, Hong Kong, il-Filippini, it-Tajlandja, it-Tajwan, il-Mjanmar u bħalissa jinsabu fil-Malasja! Qalulna li għażlu li jesploraw “il-kontinent tal-Asja għax fih kulturi vasti li xtaqna nesperjenzaw! Xtaqna niltaqgħu ma’ nies li jgħixu ħajja ferm differenti minn dik li aħna ngħixu Malta; nies b’reliġjonijiet vasti u mentalitajiet li nistgħu nitgħallmu minnhom! Xtaqna nduqu tip ta’ ikel ieħor u nesploraw dawn il-pajjiżi tant sbieħ.”

Għalissa għad m’għandhom l-ebda data fissa meta se jerġgħu lura lejn Malta, iżda “minħabba li bħalissa hu l-istaġun tal-monsun qed naħsbuha ninżlux Malta għal xi ftit żmien biex nerġgħu niltaqgħu mal-familjari u l-ħbieb tagħna.”

Meta staqsejniehom kif iddeċidew li kien wasal il-waqt li jħallu kollox biex iwettqu l-ħolma tagħhom, il-koppja bi tbissima qaltilna, “għamilna data tat-tluq, bħalma koppja tagħmel data taż-żwieġ, ħdimna għaliha u kif wasal iż-żmien tlaqna għal din l-avventura ferm sabiħa!”

Gwida.mt staqsiet lil din il-koppja avventuruża, xi jgħidu lil dawk in-nies li dejjem xtaqu jagħmlu esperjenza bħal din imma forsi għal xi raġuni jew oħra dejjem beżgħu. Bernice u Wayne b’mod kunfidenti rrispondew, “lil dawn in-nies nagħmlulhom kuraġġ!” Stqarru li “mhijiex xi ħaġa faċli li tirriżenja mill-post tax-xogħol, tippakkja l-basktijiet u tivvjaġġa f’kontinent ’il bogħod minn art twelidek! Madankollu minn hawn nistgħu ngħidu li din kienet l-aqwa deċiżjoni li qatt ħadna f’ħajjitna!”

Bernice u Wayne qalulna li f’dawn it-tmien xhur li ilhom fl-Asja, “ftaħna bibien għal opportunitajiet differenti, tgħallimna ngħixu f’kundizzjonijiet li jmorru lil hinn miż-żona komfortali tagħna u ltqajna ma’ nies li ħallew impatt kbir f’qalbna!” Gwida.mt tawgura lil din il-koppja ħelwa sabiex tkompli twettaq il-ħolm tagħha! Apparti hekk, nirringrazzjawha wkoll talli permezz ta’ Instagram qed tkun ta’ ispirazzjoni kbira għal nies li jħobbu jivvjaġġaw!

@ travel.love.couple


Yasmin Camilleri