Il-koppja Kirsty Ebejer u Lee Ryan ħolqu logħba oriġinali u divertenti għall-adulti li issa tinsab għall-bejgħ u l-popolarità tagħha fost iż-żgħażagħ Maltin qed tiżdied bil-kbir!

Fiż-żmien meta minħabba l-pandemija tal-Covid konna noqogħdu ġewwa konna nispiċċaw nilagħbu ħafna logħob id-dar u darba bdejna nitkellmu biex noħorġu logħba aħna. It-tnejn għandna mħabba lejn il-lingwa Maltija u rajna li hawn nuqqas ta’ logħob bil-Malti fis-suq. Minn hemmhekk bdejna naħsbu fuq kunċetti differenti li jintlaqtu tajjeb man-nies sa ma wasalna għall-ewwel logħba tax-xorb għall-adulti (17+) bil-Malti – Evviva!,” qalet Kirsty.

Din il-logħba fiha damma speċjali t’ Evviva flimkien ma’ sitt kategoriji differenti ta’ cards li bihom wieħed jistenna ftit minn kollox! Importanti li nghidu li l-logħba fiha kuncett originali li lanqas f'logħob barrani ma ssib.”

“Il-proċess kien wieħed twil ħafna li jieħu ħafna ħin mill-ideat, għad-disinn u l-kuluri, għall-ittestjar tal-logħba sa ma wasalna għall-prodott finali li qiegħed magħna llum. Ridna li tkun logħba li l-adulti jieħdu gost jilagħbu u fl-istess ħin jidħku daħka tajba mal-ħbieb!”

Hekk kif qed toqrob ix-xitwa u l-ħruġ jonqos, din il-logħba hija ideali ħafna biex tilgħab ma’ sħabek!


Bernard Xuereb