Qabel ma tieħu qatgħa, qed nirreferu għal speċi ta’ farfett il-lejl magħruf bħala ‘farfett il-lejl widnet il-ġurdien’; dak li bl-Ingliż insejħulu Maghrebian mouse-eared bat. Dan il-farfett il-lejl hu wieħed mill-akbar li jinsabu fil-gżejjer Maltin.

L-isem ġej minħabba l-widnejn twal li għandu, li flimkien mal-ekolokalizzazzjoni, jgħinuh jorjenta ruħu fid-dlam sabiex jevita l-ostakli u jaqbad il-priża. Il-friefet il-lejl huma l-uniċi mammiferi li kapaċi jtiru; dan huwa possibli permezz ta’ membrina rqiqa u li jiġġebbed li jifforma l-ġwienaħ.

Ritratt: Claude Busuttil / Facebook - Birds and Nature in Malta

Imma fejn jinstab? Matul il-ġurnata, dan il-farfett il-lejl jippreferi jistkenn u jorqod f’postijiet mudlama bħal għerien u katakombi. Ma nżul u tlugħ ix-xemx, joħroġ iħuf fuq art agrikola, widien u mkejjen oħra fil-beraħ biex jaqbad il-priża tiegħu, li tikkonsisti f’tipi differenti ta’ insetti.

Il-friefet il-lejl huma partikolarment vulnerabbli minħabba li jirriproduċu bil-mod. Huma jitgħammru lejn l-aħħar tas-Sajf u l-bidu tal-Ħarifa, u normalment ikollhom wild wieħed biss fis-sena. Barra minn hekk, huma qed ikunu mhedda għax l-imkejjen fejn jorqdu u jaqbdu l-priża tagħhom qed jiġu mibdula, u saħansitra xi friefet il-lejl jinqabdu u jinqatlu illegalment.

Fil-fatt Il-friefet il-lejl huma mħarsa mil-liġi u ġew dikjarati numru ta’ siti Natura 2000 biex ikompli jitħares l-ambjenti naturali tagħhom.

Din hi ġabra ta' informazzjoni grazzi għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi - ERA, idħlu HAWN sabiex taċċessaw is-sit tagħhom.

Claude Busuttil / Facebook - Birds and Nature in Malta


Anthony Baldacchino