Din il-ġimgħa Gwida.mt tkellmet ma’ Tonio Vella dwar l-irwol teatrali u televiżiv tiegħu. U rnexxielna nakkwistaw informazzjoni interessanti ħafna! Diversi Maltin u Għawdxin jassoċjaw lil Tonio ma’ karattru komiku, bħal Majsi jew il-kappillan fid-drama komika tal-Avukat Gawdenz Bilocca. Però sirna nafu li Tonio ġieli interpreta xi karattri serji wkoll u dan il-ġeneru jieħu gost jaħdmu wkoll. Ilkoll nistgħu naqblu li kull darba li rajna lil Tonio jinterpreta xi karattru, dejjem kien ta’ gost għall-ispettaturi.
Id-drama minn dejjem kienet preżenti f’ħajtek? Kif bdejt tirreċta?
Minn meta kont għadni tifel, id-drama kienet togħġobni. Ma kienx ikun hemm teledramm jew teleserje fuq it-televixin li ma kontx insegwi. Imma s’hemm biss kont nasal. Qatt ma kien jgħaddili minn moħħi li xi darba se nitla’ fuq palk biex nirreċta. Dan minħabba l-fatt li jien kont persuna mistħija ħafna u ftit li xejn kont nissoċjalizza jew nitħallat mal-ħbieb. Sakemm darba fost l-oħrajn, meta kelli sittax-il sena, iltqajt ma’ grupp ta’ żgħażagħ li kienu qed itellgħu dramm fis-sala parrokkjali tan-Naxxar. Ġara li wieħed mill-atturi marad, ftit ġranet qabel ir-rappreżentazzjoni u min kien qed jieħu ħsieb talabni nagħmel il-parti jien. Jien m’aċċettajtx mill-ewwel għax bżajt li ma nkunx kapaċi nagħmilha, avolja kienet parti żgħira. Wara insistenza mid-direttur, iddeċidejt li nagħmilha u minn hemm bqajt miexi ’l quddiem.
Ħadt sehem f’diversi serje fuq it-televixin. Liema hija l-favorita tiegħek?
Diffiċli ngħid liema waħda hija l-iktar favorita għax nista’ ngħid li kull karattru li ħdimt kien għal qalbi. Imma naħseb li fost il-karattri li l-iktar ħadt gost ninterpreta huwa dak tal-ispettur fis-sensiela ‘Midindin’. Ma kinitx parti kbira imma kienet xi ħaġa differenti minn dak li kont naħdem qabel. Peress li kważi s-sensiliet li ħdimt qabel kienu komiċi, din kienet parti serja u ħadt gost ħafna naħdimha.
Ħdimt u għadek tieħu sehem f’ħafna rappreżentazzjonijiet teatrali. Liema hija l-favorita?
Kif diġà għidt, il-karattri li interpretajt kollha għamilthom minn qalbi. Il-karattru ta’ Majsi, maħluq minn Elio Lombardi, jibqa’ marbut miegħi għal ħajti kollha. Imma kieku kelli nagħżel karattru wieħed, li kien impenjattiv u mhux faċli biex ninterpretah kien il-karattru ta’ Padre Pio, fi dramm dwar il-ħajja ta’ dan il-qaddis, miktub mill-mibki Lino Grech. Naturalment kien hemm ħafna karattri oħra, kemm serji kif ukoll komiċi li wkoll tawni sodisfazzjon.
X’tippreferi l-iżjed, il-palk jew it-televixin? Għaliex?
Jien personalment nippreferi l-palk. Veru li bit-televixin tilħaq aktar udjenza għax tidħol fid-djar tan-nies, peròmill-banda l-oħra l-palk jagħtik sodisfazzjon immedjat. Dik il-ħaġa li waqt li qiegħed tirreċta qed tara n-nies jidħku u jieħdu gost, hija ta’ sodisfazzjon kbir. Barra minn hekk il-kapaċità ta’ attur jew attriċi tidher aktar minn fuq il-palk għax jekk tkun se tieħu żball, trid tara kif tirranġah immedjatament, mentri jekk tieħu żball waqt filming għat-televixin, faċilment tista’ twaqqaf il-filming u terġa’ tibda għal kemm-il darba jkun hemm bżonn.
Ilna diversi snin ma narawk tieħu sehem f’xi serje fuq it-televixin. Għandek xi pjanijiet għall-iskedi li ġejjin?
Iva, mit-televixin ilni ftit maqtugħ imma fit-teatru għadni għaddej. Fil-preżent m’għandi l-ebda pjanijiet għat-televixin, però ma nafx x’għad jista’ jiġri fil-futur.
Fil-biċċa l-kbira tal-karriera tiegħek, il-pubbliku dejjem rak tinterpreta karattru li jqanqal tbissima. X’inhu li ġiegħlek tagħżel dan il-ġeneru?
Biex ngħid il-verità, ma naħsibx li kienet għażla tiegħi li mmur għall-komiku, imma kienet waħda naturali. Biex tinterpreta partijiet komiċi mhix daqshekk faċli. Hawn atturi kbar u ta’ esperjenza li jistqarru li mhumiex maqtugħin għall-komiċità. Kif għidt qabel, jien ħdimt diversi partijiet serji u veru nieħu gost nagħmilhom. Perònormalment jiġri li l-udjenza tibda tassoċjak mal-komiċità u tistenna mingħandek li taħdem il-komiku biss. Jien ngħid għalija, nieħu gost naħdem kollox, l-aqwa li nara lill-udjenza tieħu pjacir.