Victoria Sciberras se tkun qed tipparteċipa fil-festival Mużika Mużika f’Marzu li ġej għall-ewwel darba u għalkemm rajnieha fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza din id-darba ħa tkun qed tkanta silta oriġinali tagħha ma' orkestra live. Victoria tkellmet ma’ Gwida.mt dwar l-esperjenza tagħha kemm qabel il-parteċipazzjoni kif ukoll dak li hemm qed jitħejja. Victoria kellmitna dwar kif qed tħares lejn dan il-festival u x’waslilha biex tipparteċipa fih.

Hi tistqarr, "Vera nħossni ħerqana għal dan il-festival. L-eċitament li qiegħda nħoss huwa nspjegabbli. Iġri jasal dak il-mument - li tant qiegħda naħdem għalih - li nkun nista’ nwassal il-messaġġ tant għal qalbi tal-kanzunetta Fittixni." 

"Wara li rajt l-ispettaklu tas-sena l-oħra - speċjalment għall-fatt li d-diski ġew akkumpanjati minn orkestra live, l-istage grandjuż u l-livell għoli tal-produzzjoni kollha -  ma kelli l-ebda dubju jekk naħdimx biex jien stess inkun fuq dak il-palk fl-edizzjoni ta’ din is-sena."

Il-festival Mużika Mużika se jkun maqsum f’tliet serati. Victoria qaltilna liema serata minnhom tinsab l-aktar ħerqana għaliha b'mod partikolari. "L-aktar serata li ninsab ħerqana għalija hija dik tal-24 ta’ Marzu. Dan għaliex dakinhar tinstema’ għall-ewwel darba l-kanzunetta tiegħi."

"Barra li ser inkun ħerqana biex inkanta mal-Orkestra Nazzjonali, ser inkun qiegħda nistenna wkoll il-kummenti dwar id-diska Fittixni mingħand dawk li ser ikunu qegħdin isegwu s-serata." Victoria kellmitna wkoll dwar l-istil mużikali tagħha. "L-iżjed stil għal qalbi huwa l-ballads. Inħoss li f’dan il-ġeneru nista’ nesprimi l-aktar is-sentimenti tiegħi u nwassal il-passjoni qawwija li għandi lejn il-mużika lil kull min ikun qed jismagħni."

Lil Victoria rajnieha wkoll bħala mudella. Kellmitna dwar l-imħabba u l-passjoni li għandha għall-immudellar u għall-mużika. "Ikolli ngħid li kemm l-imudellar kif ukoll il-kant huma żewġ affarijiet li nħobb nagħmel ħafna. Għalkemm l-immudellar jagħtini sodisfazzjon kbir, speċjalment ħabba x-xogħol li jinvolvi biex tkun tista’ twassal lilek nnifsek bl-aħjar mod possibbli fuq il-palk, l-imħabba tiegħi lejn l-mużika ma nista nibdilha ma xejn."

"Il-kant huwa l-akbar passjoni tiegħi mhux biss għax kbirt fil-mużika u nixtieq li nibqa’ nwassal il-vuċi tiegħi, imma wkoll għax dak li jagħtini l-kant ma nista’ nqabblu ma' xejn." Staqsejna lil Victoria dwar dawk il-mumenti li l-iktar jibqgħu mmarkati f’moħħha fil-karriera mużikali tagħha.

"Bla ebda dubju, il-mument li ma ninsa qatt hu meta meta kklassifikajt fl-ewwel post f’taħriġ intensiv tal-mużika ġewwa Londra. L-emozzjonijiet li ħassejt dakinhar kienu ferm sbieħ, u għalkemm kont waħda mill-iżgħar parteċipanti, xorta rnexxieli nirbaħ dan l-unur tant prestiġjuż." 

 Il-fażi tal-bootcamp ta' X Factor Malta tibqa' l-ikbar, meta sfortunatament kellha tagħti prestazzjoni wara li ġarrbet it-telfa ta' missierha.  Hi tgħid, "Mument ieħor li żgur jibqa’ mmarkat f’moħħi hu l-bootcamp ta’ X Factor Malta, meta sfortunatament dakinhar stess kien għadu kif ħalliena l-għażiż missieri, b’kuraġġ kbir u għax kont naf li dik kienet tkun ix-xewqa tiegħu, xorta mort u kantajt quddiem il-ġurija. Sal-lum stress inħossni mbellħa bija nnifsi kif kelli s-saħħa nagħmel dan."

 Victoria kellmitna dwar it-tifsira wara l-kanzunetta Fittixni u dwar kif tirrelata magħha personalment. "Il-kanzuentta Fittixni titkellem dwar in-nuqqas t’għarfien tal-qawwa li tinsab fik. L-influwenzi esterni, kultant iwassluk biex twarrab u tinsa dak li jagħmlek int u faċilment tista’ tintilef qalb mewġ il-ħajja li jtemm dak li verament int biex iwelled verżjoni mhux awtentika tiegħek innifsek."

"Din il-kanzunetta nirrelata ħafna magħha għaliex jien, bħal kull persuna oħra jkolli dawk il-mumenti fejn ninġarr xi ftit jew wisq mil-ħajja li sirna ngħixu fiha, bir-riżultat li nitlef jew inwarrab fil-ġenb dak li tant inkun ħdimt għalih."

"Għalhekk din il-kanzunetta hija għal qalbi għaliex fiha nista’ nwassal il-messaġġ; biex ngħożżu dak li hu vera importanti għalina u kemm jista’ jkun ma nħallux affarijiet mhux daqshekk importanti jieħdu post dak li jagħmilna induvidwi kompluti."

Dan l-artiklu ġie miġjub lilkom b'kollaborazzjoni ma' Festivals Malta.


Kyle Zarb