Ftit tas-snin ilu, Esmeralda Solis Gonzales fl-età ta’ għoxrin sena, ġiet inkurunata bħala reġina tas-sbuħija fil-Messiku, art twelidha. Riċentement hija ħalliet il-karriera tagħha bħala nutrizjonista u ngħaqdet mal-Klarissi Missjunarji tas-Sagrament Imqaddes.
“Kont ferħana ħafna u kelli kollox, imma dan anqas biss jibda mal-kuntentizza li Alla poġġa f’qalbi,” qalet Esmeralda.
Hija kienet saret taf lill-Klarissi meta kien għad kellha 14-il sena, u wara li għamlet xi esperjenzi vokazzjonali magħhom bdiet tħoss is-sejħa li tingħaqad magħhom. Sakemm kellha biżżejjed żmien biex tkun tista’ tagħmel l-ewwel voti tagħha, Esmeralda kompliet bil-ħajja normali fejn fost l-oħrajn ingħatat t-titlu ta’ Reġina ta’ Guadalupe. Dawn il-ġrajjiet għenuha aktar tirrealizza li riedet tagħmel spazju f’qalbha għal Alla. It-tfajla kienet tgħaddi ħafna ħin titlob u tagħmel il-karità biex tkun ċerta x’ried minnha Alla.
Il-Klarissi Missjunarji tas-Sagrament Imqaddes ġew imwaqqfa mill-Venerabbli Maria Ines Teresa Arias fi Cuernavaca fil-Messiku. Huma jaħdmu fost oħrajn fi kliniċi, ma’ gruppi taż-żgħażagħ, fl-iskejjel, fl-universitajiet, f’dormitorji, f’ċentri għal eżerċizzi spiritwali u fil-missjoni. Huma preżenti fil-Messiku, f’Kosta Rika, fl-Arġentina, fl-Istati Uniti, fi Spanja, fl-Italja, fl-Irlanda, fir-Russja, fl-Indoneżja, fil-Ġappun, fil-Korea, fi Sierra Leone, fil-Vjetnam, fl-Indja u fin-Niġerja.
“M’għandekx għax tibża’. Jekk Alla qed isejjaħlek, huwa jieħu ħsieb kollox,” tgħid bi tbissima fuq fommha Esmeralda.
Permezz ta’ ħafna benefatturi Maltin u Għawdxin, Missio Malta fil-Belt u l-Mosta, qed ikompli jgħin ħafna persuni jgħixu ħajja aħjar, u jgħinhom iħarsu lejn il-futur b’tama ġdida, filwaqt li jagħti l-appoġġ tiegħu lil dawk li b’xi mod jew ieħor jgħinu lil dawk fil-bżonn. Aktar informazzjoni tinkiseb minn fuq il-websajt www.missio.org.mt, minn ‘Facebook’ jew fuq 2123 6962.