Il-psikologu Nicholas Briffa għadu kif xerre storja li tmisslek qalbek u anke tgħinek tifhem kemm ix-xogħol ta' pulizija ma jsirx biss għal għajn in-nies jew għall-flus, iżda jkun passjoni f'dak li jkun. Pulizija ta' 31 sena mill-Italja, Alessia Cioffi,  kellha ssalva ħajja waqt li lanqas biss kienet on duty. 

Li ġara hu li marret passiġġata bil-kelb, u isnertat każ li seta' spiċċa f'traġedja. Nicholas jirrakkonta kif il-pulizija rat xi nies panikużi jħarsu 'l fuq u jippuntaw lejn mara li kienet se twettaq suwiċidju. Dehret iddisprata u l-pulizija ndunat minnufih li għandha bżonn għajnuna morali qabel dik fiżika. 

"Alessia baqgħet iffokata. Daħlet fil-condominium, ippruvat tidħol (mingħajr suċċess) fl-appartament tal-mara u minnufih ċemplet lill-brigata tat-tifi tan-nar. Iżda, minflok stenniet l-għajnuna, kellha l-bieb tal-appartament t'isfel miftuħ, ħarġet fuq il-gallarija u minn hemm bdiet titkellem b'mod doċli mal-mara. Alessia stabbiliet relazzjoni ta' fiduċja, offritilha wens u appoġġjatha. Fuq kollox imma ħallitha titkellem u toħroġ snin ta' tbatija u frustrazzjoni. Fl-aħħarnett, wara nofs siegħa, il-pulizija rnexxielha tikkonvinċiha biex tmur lura mill-intenzjonijiet tagħha."

Il-mara dehret li ndunat bid-dedikazzjoni u imħabba li wriet din il-mara, u minnufih spiċċat mgħannqa magħha. Alessia tispjega s-sentiment sabiħ li ħasset dak il-ħin meta rat lil dik il-mara qawwija u sħiħa. 

" 'Kien mument ta' ħelsien għalija wkoll', stqarret il-pulizija, 'kont ferħana ħafna għax qisni kont qiegħed ngħannaq lil ommi. Ommi għandha l-istess età bħalha'. Pulizija oħra li salvat ħajja bi djalogu u bl-empatija. Uffiċjal li jintervjeni fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu bħala bniedem. Kultant għandna bżonn dawn il-mumenti biex niftakru s-sabiħ tal-valuri umani."

Grazzi mill-qalb lill-pulizija kollha! Intom eroj!


Kyle Zarb