Hilda Curmi, li ħafna jafuha bħala l-mara tal-mużiċist bravu George Curmi l-Puse', qasmet erba' kelmiet mill-qalb dwar esperjenza li kien ġralha hi. Esperjenza li mnalla kien l-intervent ta' infermier li nzerta qed isegwi l-ispettaklu li għen u intervjena filwaqt.

Hilda tibda tgħid, "Ilbieraħ għamilt ġurnata naħseb fuq l-inċident ta' Christian Eriksen fil-ground nhar is-Sibt li għadda. L-interventi immedjati tal-kaptan u tat-tim mediku Daniż salvawlu ħajtu."

Hi tmur mill-ewwel għal esperjenza li għaddiet minnha hi, "Xi għaxar snin ilu jien għaddejt minn esperjenza xi ftit simili. Kien xokk kbir, speċjalment għal ta' madwari. Flimkien mal-band, konna għadna kif spiċċajna lejla ta' mużika. Kif inżilt minn fuq il-palk, ħassejt għejja kbira. Ma niftakar xejn iktar x'ġara għaliex intlift minn sensija u meta bdejt ġejja lura f'tiegħi kont qiegħda fl-emerġenza Mater Dei, mdawra b' ħafna apparat mediku. Żammewni l-isptar għal xi ġranet, tawni boroż ta' demm, saruli ħafna testijiet..."

Hilda tgħid, "Wara sirt naf li fuq il-post kien tani l-ewwel għajnuna Richard Mallia, Nurse f'Mater Dei, li dakinhar kien 'off duty' u kien qiegħed igawdi lejla għall-kwiet. Kif ra l-kommossjoni li nqalgħet, qam minn postu u ġie jgħin. Tani l-ewwel għajnuna sa ma waslet l-ambulanza u peress li jaħdem l-isptar, baqa' jsegwi l-progress tiegħi fil-ġranet ta' wara."

Hilda tagħlaq bi ħsieb importanti, "Permezz tal-inċident tas-Sibt li għadda ġejt aktar konxja kemm l-ewwel għajnuna hija life skill importanti fis-soċjetà; taf tkun id-differenza bejn ħajja u mewt. Nieħu spunt biex nissuġġerixxi li taħriġ bażiku fil-First Aid isir parti mill-kurrikolu fl-iskejjel tagħna. M'hemm xejn iktar prezzjuż mill-ħajja."

Punt tassew importanti u li kieku dan ikun applikat fl-iskejjel tagħna, żgur li ħa jservi ta' ġid. X'taħsbu?

Facebook / Hilda Curmi


Emil Calleja Bayliss