Fil-festival Mużika Mużika ta' April li għadda, ir-rebbieħ kien Kurt Calleja bil-kanzunetta Bla Tarf. Kanzunetta li għadha sal-lum il-ġurnata tinstema' kull fejn tmur, speċjalment tiġijiet.

Ma' Kurt aħna ta' Gwida.mt kellna ċ-ċans li nitkellmu dwar il-kanzunetta nnifisha kif ukoll dwar ir-rebħa li kiseb waqt Mużika Mużika. Xtaqna wkoll insiru nafu aktar dwar x'ħassew il-koppja li fil-fatt ispirawh joħloq Bla Tarf waqt u wara l-festival.

gf

Ritratt: Facebook/ Kurt Calleja

Staqsejna lil Kurt dwar dak li jaħseb li għen biex Bla Tarf intlaqtet daqshekk min-nies, mill-ġurija u minn ħafna oħrajn waqt din l-edizzjoni prestiġġuża.

"Naħseb min-naħa tiegħi l-aktar ħaġa importanti għalija kienet is-sempliċità; li kull kelma li titkanta, tiġi kantata mill-qalb u tinftiehem. Naturalment il-messaġġ ta' mħabba huwa wieħed li kulħadd b'xi mod jew ieħor jirrelata miegħu għax għalkemm kollha għandna relazzjoni differenti mal-imhabba, kulħadd jaspira għall-imhabba mingħajr kundizzjonijiet bil-mod tiegħu."

Ninsabu ċerti li diġà semmewlu l-Eurovision tal-2012, u kif forsi jara differenza bejn dak il-festival ta' snin ilu u dak t'issa. X'tgħallem Kurt matul is-snin?

"Minn żmien il-Eurovision l'hawn għaddew 10 snin u ma' dawk l-10 snin, esperjenzi - jien kbirt u mmaturajt. Ma' dawk l-esperjenzi jien tgħallimt li l-għan li tidħol għal kompetizzjoni bħal din mhix li tirbaħ jew li sempliċiment tieħu sehem (biex tgħid qiegħed hemmhekk). L-għan li tipparteċipa f'kuntest bħal dan huwa biex tagħti l-aħjar prestazzjoni li tista' - u minnu tagħmel pjattaforma li tgħinek tkompli tibni l-karriera tiegħek bhala kantant, mużiċist u/jew awtur, kompożitur eċċ."

fg

Ritratt: Camille Fenech

Kurt ikompli li, "Jien ma' nħares lejn l-ebda kompetizzjoni bħala kif nista' nkun aħjar minn ta' maġenbi - iżda kif nista' nkun aħjar milli kont ilbieraħ - kemm bħala kantant, kemm bħala mużiċist - kemm bħala iben, neputi, kollega u ħabib."

 Kurt ikellimna wkoll dwar waħda mill-iżjed karatteristiċi importanti f'dan il-festival, l-ilsien Malti. Xtaqna nistaqsuh ukoll jekk hux se naraw iżjed mużika oriġinali mingħandu bil-lingwa tagħna.

"Ilsien pajjiżna hu sabiħ u espressiv għall-aħħar u allura ħadt ħafna pjaċir inkanta bil-Malti - tant illi iva għandi f'moħħi xi kollaborazzjonijiet u ideat għal diski oħrajn bil-Malti."

Lura fi Frar li għadda, Kurt waqt intervista ta' qabel Mużika Mużika kif Bla Tarf ġiet ispirata minn esperjenzi li għaddiet minnhom koppja. Kurt kien spjegalna,

“Ftit ġranet qabel iltqajt ma' koppja li ltaqgħu ħdax-il sena qabel - fi programm tad-droga; u dawn għamlu wens u kuraġġ b'xulxin. Wara li ħarġu mill-program baqgħu joħorġu flimkien u matul is-snin bdew familja sabiħa flimkien...L-istorja tagħhom tassew ispiratni - tant li ma' din il-melodija ktibt l-istorja tagħhom" 

U x'kienu r-reazzjonijiet tagħhom wara r-rebħa ta' Kurt b'kanzunetta li huma kienu l-ikbar ispirazzjoni fiha? Tkellem magħhom dwar dan wara l-finali tas-Sibt? "Iva. It-tnejn li huma kienu emozzjonati ħafna u qaluli li ħassewhom veru xxurtjati li l-istorja tagħhom ġiet mibdula f'diska li eventwalment rebħet il-festival prestiġjuż Mużika Mużika."

Din ir-rebħa ta' Kurt turi wkoll li t-talent u l-mużika tiegħu għadhom apprezzati mill-Maltin u l-Għawdxin sal-lum il-ġurnata bla dubju. Kurt ikellimna dwar l-artist li hu llum il-ġurnata li xtaq juri lill-pubbliku. 

"Aktar mir-rebħa nnifisha - l-parteċipazzjoni f'Mużika Mużika tatni l-opportunità li nkanta fuq palk mal-orkestra nazzjonali Maltija. Din minnha nnifisha hija pjattaforma b'saħħitha. Jien m'għadnix Kurt Calleja ta' This Is The Night, għalkemm nibqa' għal dejjem grat għal dik l-opportunità."

Kurt ikompli, "Dak kien kapitlu differenti f'ħajti u xtaqt li naqsam mal-uddjenza l-Kurt li sirt illum - bit-tajjeb u l-ħażin kollu tiegħi. Inħoss li flimkien mat-tim tiegħi u fuq il-palk spettakolari ta' Mużika Mużika dan irnexxieli niksbu."

 Kurt jgħaddi parir lil min forsi għadu qed jaħsibha biex jieħu sehem ġo festival bħal Mużika Mużika fil-futur, u propju xtaqna nagħlqu din l-intervista b'dan.

"Inħoss li l-uniku parir li nista' nagħti huwa li ma tidħolx għal kwalunkwe festival biex tirbaħ. Din forsi tinstema xi ftit jew wisq cliche imma l-verità hija li għandek tidħol tipparteċipa biex tieħu l-opportunità li tirrappreżenta lilek innifsek u l-messaġġ ġenwin tiegħek. Li tkun fuq palk bħal dak diġà huwa premju minnu nnifsu."

 Nawguraw minn qalbna aktar suċċessi lil Kurt!

gf


Kyle Zarb