Kulħadd jiċċelebra żmien il-Milied b'mod differenti. Aħna kellna ċ-ċans li niltaqgħu ftit ma' Philip Vella f'din l-intervista qasira u staqsejnieh ftit kurżitajiet li kellna dwar il-Milied, il-mużika u anke l-Milied ta' meta kien għadu tfal!

Kif tkun ġurnata tipika ta’ Philip Vella f’Jum il-Milied?

Ix-xewqa tiegħi hi li naqsam din il-ġurnata mal-familja, imma sfortunatament ix-xogħol tiegħi jitlob li nkun qiegħed nipprovdi l-mużika f'xi stabbiliment fejn imorru jiddevertu in-nies.

Għandek xi tradizzjonijiet jew użanzi relatati mal-Milied li kont tagħmel fil-passat u ma għadekx tagħmilhom jew li għadek tagħmel? X’inhuma?

Il-Milied għalija jfisser ukoll xalata ta’ mince pies, qagħaq tal-għasel, christmas cake, tamal biċ-ċikkulata... inkompli?

Għandek xi memorja li tiftakar minn żmien il-Milied li hi tassew għal qalbek?

Il-Milied fi ċkuniti kien xi ħaġa speċjali. L-ewwel nett fi żmieni, il-Milied kien l-unika okkażżjoni fejn il-qraba u l-ħbieb jixtru r-rigali. Allura stennija kbira. Kienet tkun il-ġurnata fejn il-ġenituri tiegħi jixtruli r-rigal prinċipali tas-sena!

Tħobbu t-tiżjin tal-Milied u tagħti sehmek fit-tiżjin tad-dar?

Toġgħobni wisq id-dar imżejna għall-Milied. Tagħmel id-dehra tad-dar speċjali u iktar 'cosy' kif jgħidu.

X'inhi l-kanzunetta favorita tiegħek tal-Milied u liema kanzunetta tal-Milied ma tiflaħx tisma’?

Il-kanzunetta favorita tiegħi tal-Milied hi Driving Home for Christmas ta’ Chris Rea. Ma niflaħx nisma’ l-kanzunetta Santa Baby.

Philip jagħlaq billi jgħidilna, "Nieħu l-opportunità biex nagħti ix-xewqat it-tajba għall-Milied hieni lill-qarrejja kollha u ftakru ferrħu lil xi ħadd li ilkom ma taraw jew tkellmu, speċjalment qraba, f'dan iż-żmien ta’ ferħ."


Emil Calleja Bayliss