Gwida.mt, kellu ċ-ċans li jitkellem fil-qosor mal-kantanta rebbieħa tat-30 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza, il-kantanta Cherylis. Cherylis żgur li mhux wiċċ ġdid, rajnieha kważi fil-kompetizzjonijiet lokali kollha u t-talent tagħha dejjem jibqa' jimpressjona. Waslet darbtejn fit-tieni post tal-Għanja tal-Poplu, rebħet it-Talent Żagħżugħ fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza tal-2010 u din is-sena irnexxielha tirbaħ wieħed mill-festivals ewlenin ta' pajjiżna.

Cherylis, din kienet is-seba’ darba tiegħek fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Is-seba’ darba kellha tkun waħda li spiċċat bl-unuri. Xi tfisser għalik din ir-rebħa?

Onestament kienet sorpriża kbira għas-sempliċi raġuni li l-kanzunetti parteċipanti kienu kollha ta’ livell għoli ħafna. Kienet sorpriża akbar għaliex lanqas biss kont beħsiebni nissottometti l-kanzunetta, minħabba numru t’impenji oħra personali. Kien bil-kuraġġ tal-familja u t-tim tiegħi li trawwmet dik il-fjamma biex nieħu ċans u kuntenta li rnexxa bil-kbir.

Il-kanzunetta Nifs hi waħda li titkellem fuq il-poeta li jitlef l-ispirazzjoni tiegħu, iżda eventwalment isibha mill-ġdid. Il-kliem kantajthom tassew mill-qalb, kif tirrelata ma’ din il-lirika?

Bħala persuna nistqarr li xi kultant naħbat ser naqta’ qalbi, eżatti bħal poeta li jinsab verament fix-xifer, però min-naħa l-oħra naf li meta jiġri hekk ikolli bżonn ftit żmien biex nirrifletti, biex insib dik il-ġlied ta’ ġo fija. Huwa għalhekk li Nifs tfisser ħafna għalija.

Din id-darba, fl-udjenza kien hemm persuna nieqsa ssegwik, ħafna qalulna li kien l-ikbar fan tiegħek. Qed nitkellmu dwar in-nannu tiegħek li ħalliena aktar kmieni din is-sena. X’taħseb li kienet tfisser għalih din ir-rebħa?

In-nannu dejjem kien ikun fuq ta’ quddiem f’kull avveniment ta’ ħajti però l-kant kien iħobbu wisq u ma’ kull min kien jiltaqa’ dejjem kien jgħid li għandu n-neputija tkanta! Ir-rebħa niddedikaha kollha kemm hi għalih, u anke għal martu, nannti. Għalkemm ma kinux hemm fiżikament, il-preżenza tagħhom ħassejtha tul is-serata kollha.

Kienet evidenti li r-rebħa tiegħek kienet waħda li ferħu biha l-parteċipanti kollha. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza, il-kantanti ingħaqdu flimkien biex jieħdu ritratt mar-rebbieħa. Mument speċjali immens. Xi tgħidilna dwar dan?

Jiena persuna ċajtiera, inkompli ma’ kulħadd u għalkemm inkun eċitata, inħobb li nżomm lil kulħadd ferħan u daħkan. Nemmen li l-atmosfera li kien hemm wara l-palk kienet waħda tal-ġenn, għax ma waqafniex nidħku. Minn qalbi ngħidilhom grazzi li qasmu l-ferħ tas-suċċess tiegħi.

Il-kanzunetta Nifs, rajnieha titla’ wkoll, fl-ewwel post tal-iTunes ġewwa pajjiżna ftit sigħat wara li l-kanzunetta rebħet il-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Sinjal ċar li l-kanzunetta niżlet tajjeb man-nies. Importanti għalik li l-mużika li toħroġ tmiss qalb dak li jkun?

IVA. Nemmen li dak hu l-akbar suċċess li meta jarawk in-nies, jagħrfuk, jwaqqfuk, jgħidulek kemm missithom il-kanzunetta, u laqathom il-messaġġ. Dan huwa l-akbar kumpliment li jiena nista’ nirċievi.

Din mhux l-ewwel darba tiegħek li ħdimt ma’ Philip Vella u Emil Calleja Bayliss. Rajniekom flimkien fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza tal-2019 u ħdimt magħhom fil-qrib fl-Għanja tal-Poplu tal-istess sena fejn ksibt it-tieni post. Kif inhi d-dinamika tat-tim?

M’għandix kliem ieħor għalihom ħlief grazzi. Għandi ammirazzjoni kbira lejn it-talenti ta’ Philip u Emil, u rispett lejhom fuq livell personali. Is-sinerġija ta’ bejnietna taħdem, mhux mingħajr xi diżgwit żgħir l’hemm u l’hawn ta’... però dejjem ilħaqna ftehim biex kulħadd ikun kuntent u jkollna prodott li nkunu kuntenti li nippreżentaw lill-pubbliku. Kieku ma jkunx hemm din id-dinamika, diffiċli biex kanzunetti bħal Nifs, u Tfewwaħ jiġu miktuba.

Lil Cherylis rajnieha tkanta bħala solista u wkoll fil-proġett Dwett. Issa li ksibt dan is-suċċess bħala solista, il-proġett Dwett ħa jkun qed jieħu ftit ta’ pawża?

Il-proġett Dwett huwa wieħed għal qalbi ferm, u kemm jien, kif ukoll Mikhail għadna nagħtu dak kollu li nistgħu fih. Ftit tal-ġimgħat ilu bdejna naħdmu fuq xi materjal oriġinali li nittamaw li jkollna ċ-ċans naqsmu magħkom fix-xhur li ġejjin. Kellna numru t’esperjenzi sbieħ flimkien u konvinta li għad fadal aktar x’inżidu magħhom.

Xi pjanijiet għandha Cherylis għall-futur?

Cherylis ma tiqafx. Bħalissa bla qatigħ fl-istudjow naħdem fuq materjal ġdid, oriġinali kif ukoll fuq xi covers ta’ kanzunetti popolari, b’arranġamenti differenti. Nixtieq minn qiegħ qalbi nirringrazzjakom ħafna tas-sapport li tatu mhux biss lili imma wkoll lill-artisti lokali kollha. Naf kemm intom s-segwaċi ta’ Gwida.mt għandkom għal qalbkom il-kanzunetta bil-Malti u għalhekk inħeġġiġkom biex tkomplu ssegwu l-vjaġġ tiegħi permezz tal-midja soċjali.


Gwida.mt