Aħna ta' Gwida.mt, tul dawn il-festi kellna ċ-ċans li nitkellmu ma' George u Hilda Curmi. Il-familja mużikali li tul dan iż-żmien tas-sena jkunu tassew imħabbtin sabiex iferrħu u jallegraw lill-Maltin f'diversi postijiet ta' divertiment. Ara x'kellhom x'għidulna.
George u Hilda – familja mużikali u nimmaġinaw li l-festi tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena jġibu magħhom ħafna xogħol. Jirnexxielkom tgawduhom flimkien?
Iva, dawn iż-żminijiet iġibu magħhom aktar xogħol. Qabel konna nkunu mpenjati aħna biss, iżda issa li t-tfal kibru, huma wkoll qed ikunu nvoluti mużikalment, u mhux magħna biss. Madanakollu, xorta waħda matul il-festi tal-Milied, jirnexxielna ngawdu bħala familja flimkien u matul is-snin addattajna skeda għalina. Fil-bidu tal-Avvent, niddedikaw ġurnata biex inżejnu flimkien, ikun hawn ħafna storbju u daħk fid-dar.
George jarma l-presepju li ħadem hu stess xi snin ilu, it-tfal jarmaw u jżejnu s-siġra u jien narma l-Bambin u l-bqija tat-tiżjin. Matul l-Avvent insibu xi ġranet jew ħinijiet biex ngħadduhom flimkien. Fil-ġurnata tal-Milied, peress li George minn meta kienu żgħar dejjem ikun xogħol għal Christmas Lunch, hija drawwa tagħna li niftħu r-rigali filgħaxija, xħin inkunu kollha flimkien, wara li niġu lura mingħand in-nanniet. U bilħaq, avolja t-tfal tagħna llum kibru, Father Christmas għadu jgħaddi sad-dar tagħna kull Milied!!!
Kif tkun ġurnata tipika tagħkom f’Jum l-Ewwel tas-Sena u ma’ min tħobbu tqattgħu din il-ġurnata?
Nibdew is-sena billi mmorru nisimgħu quddiesa kif inqumu. Għalkemm George ikun xogħol għal New Year’s Day Lunch, xorta nsibu ħin biex inżuru lil ommi u omm George. Ġeneralment, filgħaxija ngħadduha nistrieħu bil-kwiet id-dar.
Kellkom xi avveniment speċjali fis-sena li għaddiet li żgur ħa tibqgħu tiftakruh?
Kienet sena mimlija minn kollox, bħal kulħadd naħseb. Iżda, iva kien hemm avvenimenti li jibqgħu fil-memorja. F’Awwisu li għadda ċċelebrajna l-25 anniversarju miż-żwieġ tagħna. Kienet ġurnata li ġedditilna ħafna memorji u tibda tgħid, “kif għaddew is-snin”!
Mużikalment, kull prestazzjoni fiha l-preġju tagħha imma mbagħad ikun hemm dawk li tibqa tiftakarhom iktar minn oħrajn bħall-partiċipazzjoni ta’ George flimkien ma’ Janice Mangion waqt l-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika Festival tal-kanzunetta Maltija bil-kanzunetta Teżor, kanzunetta li niżlet tajjeb mal-udjenza Maltija u waslet sal-finali.
Avveniment ieħor li nibqgħu niftakru huwa l-kunċert “Classic Notes” organizzat mill-Valletta Cultural Agency, fejn George u Bernard (it-tifel iż-żgħir) kienu protagonisti bil-vjolin. Kellna wkoll il-gradwazzjonijiet ta’ Miriana (il-kbira) u Joseph (il-fustani), li sfortunatament minħabba l-pandemija ma stajniex niċċelebrawhom kif xtaqna.
U ftit ġimgħat ilu ħadna aħbar sabiħa oħra. Il-kanzunetta li ktibna flimkien intgħażlet mal-20 semifinalista tal-edizzjoni ta’ Mużika Mużika li se ssir f’Marzu li ġej. Il-Mużika u Jien, bi kliem tiegħi Hilda u mużika ta' George li se tkun interpretata mill-kantanta żagħżugħa Nicole Frendo.
Nafu li t-tifel il-kbir tagħkom kien qed jistudja barra mill-pajjiż, ħassejtuh in-nuqqas tiegħu?
Ovvjament, in-nuqqas ta’ Joseph ħassejnieh ħafna. L-ewwel nett kien 'il bogħod mill-familja f’nofs pandemija. Konna nkunu moħħna fih il-ħin kollu iżda min-naħa l-oħra bit-teknoloġija l-kuntatt kontinwu huwa iktar faċli u konna nitkellmu miegħu b’mod regolari.
X’inhi dik il-ħaġa li tħobbu tagħmlu bħala familja barra mill-mużika?
L-importanti li nkunu flimkien. Inħobbu nżommu l-affarijiet sempliċi, norganizzaw affarijiet żgħar bejnietna.
Huma jagħlqu b'messaġġ qasir, "L-appell tagħna hu biex kulħadd joqgħod attent filwaqt li nippruvaw ngħixu ħajja kemm jista’ jkun normali fiċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom. Ukoll, li nippruvaw ma ninkwetawx iżżejjed fuq affarijiet li huma sekondarji, iżda niddedikaw iktar ħin fuq il-membri tal-familji tagħna u dawk għeżież għalina. Nixtiequ sena mimlija saħħa, imħabba u ġid lil kulħadd."
Jekk għandkom xi ritratti ta’ żmien il-festi, kemm riċenti u kemm ta’ età iżgħar, nieħdu gost li taqsmuhom magħna biex naqsmuhom mal-qarrejja tagħna.
Facebook / Hilda Curmi