Fost l-artisti li l-iktar irċevew sapport u appoġġ mill-pubbliku fl-aħħar ġimgħat, kienu Cel&Sacco. Il-band magħmula mill-mużiċisti Celine Agius u Glenn Sacco, rajnieha waqt it-tielet staġun ta' X Factor Malta, fejn kellhom rispons qawwi mill-pubbliku. Magħhom tkelllimna dwar dak li għaddew minnu fl-2021 kif ukoll x'qed jippjanaw għall-2022.

Għandek xi riżoluzzjonijiet għas-sena 2022? Jekk iva liema huma? 

Celine: Riżoluzzjoni għall-2022: li nkun kuntenta u b'saħħti, li nkompli nagħmel memorji mal-persuna li nħobb, Anthea. Bħala band riżoluzzjoni li nkomplu nikbru u nisfruttaw il-kapaċitajiet tagħna u noħorġu xi materjal oriġinali. 

Glenn: Ma tantx inħobb nagħmel rizoluzzjonijiet għax tkun ġejja sena ġdida... iżda li nħares 'il quddiem u nibqa' nkun ta' eżempju tajjeb għal Ibni Leigh li nħobb daqs dawl għajnejja. 

X’kienet l-aktar ħaġa interessanti/ speċjali li ġratlek fl-2021? 

Celine: Fl-2021 ħaġa speċjali li ġrat fuq livell personali li ltqajt mal-persuna li nħobb, Anthea u mil-lat ta' band li ħdimna ħafna u ħriġna singles oriġinali.

Glenn: Meta bdejt nisma' lil ibni jitkellem u stajt nibda nibni ftit konverżazzjoni miegħu għalkemm għad għandu sentejn u sitt xhur. 

Hemm xi ħaġa li tinsab ħerqan biex tagħmel fis-sena li ġejja (li forsi għadek m’għamiltx fl-2021 jew fil-passat)? 

Celine: Ħerqana biex inkompli għaddejja bil-proġetti mużikali fil-band tiegħi u nkomplu niktbu materjal oriġinali.

Glenn: Bla dubju li nkompli nikteb il-mużika għall-band Cel&Sacco flimkien ma' Celine u li jkollna private gigs sabiex naqsmu l-mużika tagħna.

Temmen li l-esperjenzi u l-episodji (anke jekk koroh) li tgħaddi minnhom jgħinuk tikber u ssir aktar sod? Kif għenitek issir aħjar l-2021? 

Celine: L-esperjenzi speċjalment negattivi jew iebsin jgħinuk tikber ħafna. Fuq livell personali bħala Cel, kelli nagħmel dieta fejn inqast 45 kilos... kienet iebsa ħafna però għenitni ħafna nġib ħajti lura għan-normal. L-isfidi u l-biżat trid taffaċċjahom mhux taħrab minnhom.

Glenn: Kull esperjenza titgħallem minnha... speċjalment dik li tkun kerha... kultant inwaqqgħu il-ġebla fuq saqajna u xorta ma nitgħallmux. Biss l-2022 ġiegħlitni nħares u napprezza aktar lili nnifsi.

Kieku kellkom tagħżlu motto għas-sena l-ġdida, xi jkun? 

Celine: Motto għas-sena l-ġdida, live and let live: ħalli lil dak li jkun jgħix ħajtu u int għix ħajtek kif tixtieq, diment li m'intx tikkawża ħsara lil ħadd.

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtieq tgħaddi lit-telespettaturi u segwaċi tiegħek? 

Celine: Lis-segwaċi bħala band nixtieq ngħidilhom grazzi ħafna tas-sapport ġenwin li wrejtu matul il-vjaġġ tagħna sa issa. Nixtiequ ngħidulhom biex dejjem jibqgħu jaħdmu għal dak li jixtiequ jiksbu fil-ħajja, u dejjem imxu b'qalbkom u warrbu fil-ġenb kull ostaklu. 

Glenn: Dejjem kunu umli, dejjem issapportjaw lill-bands lokali, u lill-mużiċisti li għadhom ser jaqbdu din it-triq biex ma jaqtgħux qalbhom, u dejjem jitgħallmu biex itejbu l-livell tagħhom stess u l-unika kompetizzjoni li jridu jagħmlu hija magħhom infushom.

Nirringrazzjaw lil Celine u l-Glenn talli ddedikaw ħinhom għal din l-intervista u qassmu magħna diversi ħsibijiet. Minn qalbna nawgurawlhom kull saħħa, kuntentizza u aktar suċċessi għas-sena 2022!


Kyle Zarb