Loredana u Joseph Pace, il-koppja Maltija li ġew intervistati waqt il-Eurovision, ġew mistednin fuq il-programm TVAM biex jitkellmu fuq l-esperjenza tagħhom.
Il-preżentatriċi staqsiethom minn bejn bdiet l-imħabba tagħhom lejn il-Eurovision.
Joseph spjega, “Kont l-iskola u dak iż-żmien beda jidħol l-IT fl-iskejjel u l-għalliema kienet qaltilna nagħmlu PowerPoint fuq xi ħaġa li nħobbu. Kienu qasmuna f’tims. Kien hemm wieħed fil-klassi qalli trid nagħmluh fuq il-Eurovision aħna. Jien għedtlu iva nħobb narah dak. Bdejna nagħmlu r-riċerka, kien għadu jibda l-internet. Minn ħaġa ssir oħra, tkun taf kif jiġi organizzat, u jibda jinteressak.”
Loredana wieġbet, “Jiena bdiet sew fit-2005, jiena u ħija konna mmorru naraw il-Eurovision fil-kamra tal-ġenituri tagħna. U bdejt nara dawn id-diski kollha, kompetizzjoni bejniethom biex naraw liem hi l-isbaħ diska u min ħa jirbaħ, konna morna tajjeb ħafna aħna allura qisu l-interess beda minn hemmhekk.”
Il-passjoni kbira tagħhom lejn il-Eurovision pjuttost ġiet premjata għaliex minn tant fans tal-Eurovision mill-pajjiżi kollha li ħadu sehem, Joseph u Loredana ġew magħżulin biex jitkellmu fuq il-programm.
Loredana qalet, “Il-preżentatriċi vera kienet ħelwa u avżajtha qabel, għax ikun hemm qisu reklam, għedtilha m’għandix leħen ta! U qaltli biex inħalli f’idha. Qisni hemmhekk imbagħad ikkalmajt imma sakemm tkellimna bdejn nibża’ naqra.”
Joseph spjega li qabel il-ġurnata l-propja, kellhom jagħmlu ħafna provi bla udjenza. Filfatt, il-mistoqsijiet li saqsewhom inbidlu darbtejn waqt il-provi.
Hu qal ukoll, “Meta ntgħażilna, lanqas konna nafu x’se jiġri aħna. Sirna nafu x’se jiġri li se niġu ntervistati waqt il-live xow meta morna għall-provi. Sa dak il-ħin ħsibna li se juru l-filmat tagħna u jiffukaw fuqna biex juru li vera ġejna.”
Loredana żiedet tgħid, “Filfatt bdejt ngħidlu nispera li ma jkellmunix għax jien bla leħen! Moħħi hemmhekk kien!”
Joseph żvela li n-nies bdew jagħrfuhom wara li dehru fil-Eurovision u bdew iwaqqfuhom għal ritratt tant li probabbli ħadu xi 150 ritratt! “Kienet esperjenza ta’ vera, li tkun intervistat f’wieħed mill-ikbar festivals fid-dinja, inti tkun parti mill-istorja tiegħu,” temm jgħid Joseph.
Facebook / TVAM