Fr Hilary Tagliaferro żgur li mhux wiċċ ġdid, speċjalment għal dawk li għandhom għal qalbhom il-futbol f'pajjiżna. Is-Sindku ta' San Ġwann, Trevor Fenech, qasam messaġġ tassew sabiħ minn Fr Hilary Tagliaferro. Messaġġ li mhux biss jitkellem fuq il-ġranet li qed ngħixu bħalissa, imma jmur lura tant u tant snin. Lura fi żmien il-gwerra.
Forsi wieħed jistaqsi, jekk hemmx xi ħaġa simili bejn il-gwerra u dak li għaddejjin minnu bħalissa. Fr Hilary jwieġeb din il-mistoqsija bl-aktar mod faċli, "F’dawn il-ġranet koroh li għaddejjin minnhom, kollox magħluq u aħna magħhom ġewwa ma stajtx ma niftakarx f’dawk iż-żminijiet! U ma kellnix mobile, la TV l-anqas internet!!!! Il-qagħda kienet agħar mil-lum!! Imma għaddejna minnha wkoll."
Hu jgħaddi appell ħelu u sinċier, "Qed niktbilkom biex tagħmlu kuraġġ! Jien daqskom qed nimmissja l-futbol fuq it-TV. Intom għalissa ma tistgħux tilagħbu l-anqas imma qisu li jkollkom ballun id-dar u anki fi spazju żgħir tista’ tħabbat il-ballun mal-ħajt u tikkontrolla. Tkissru xejn!! Tieqfux tilagħbu bil-ballun u fittxu anki spazju żgħir kif tista’ tipprattika il-kontroll tal-ballun waħdek. Hallik milll-Playstation!"
Hu jagħlaq b'messaġġ mill-isbaħ, "Kunu imberkin u itolbu ħafna ħalli id-dinja kollha teħles minn dan il-virus qerriedi."
Facebook / Sergio Grech